Ir-Rappreżentant Malti fil-Palestina, Franklin Aquilina, it-Tlieta filgħaxija kellu jsib kenn fix-xelter f’Ġerusalemm minħabba l-missili li ġew sparati lejn Iżrael mill-Iran.
ONE News tkellem b’mod virtwali ma’ Aquilina dwar is-sitwazzjoni ta’ bħalissa fl-Art Imqaddsa. Jiddeskrivi dawn il-mumenti bħala inkwetanti ferm.
“Hu mument li, sfortunatament, minkejja l-appelli tal-komunità internazzjonali u aħna Malta fuq quddiem, appellajna għal deskalazzjoni u waqfien mill-ġlied immedjat, iżda qed naraw minflok eskalazzjoni li wasslet għall-attakk tal-Iran. Kienu ħinijiet mhux pjaċevoli. Jidħol l-allarm, tisma’ l-isplużjonijiet u tara l-missili. Jiena fuq bażi personali ħadt kenn fix-xelter li jkollna apposta.”
Aquilina tenna kif dawn il-mumenti huma partikolarment tal-biża’ għall-Palestinjani.
“Jekk issemmi l-Art Imqaddsa n-naħa tal-Palestina, ix-Xatt tal-Punent, dawn m’għandhomx xelters u allura nista’ nimmaġina l-biża’ li ħassew. Sfortunatament kien hemm Palestinjan li ntlaqat minn biċċa missila, li ġiet imwaqqa’ u sfortunatament miet fuq il-post. Kull ħajja li tintilef hi traġedja.”
Hu appella biex xeni bħalma ġraw fl-aħħar sigħat, ma jerġgħux jirrepetu ruħhom imkien fid-dinja.
Mill-ġdid ingħaqad mal-messaġġ tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej Ian Borg, biex kemm jista’ jkun ikun hemm waqfien mill-ġlied kemm f’Gaza kif ukoll fil-Libanu.
It-Tlieta bil-lejl, id-dinja setgħet tara b’mod dirett lill-Iran jispara mijiet ta’ missili lejn Iżrael, li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew interċettati u sploduti fis-sema.
Il-midja internazzjonali l-Erbgħa rrapportat bi prominenza li l-militar Iżraeljan u l-Hezbollah bdew ukoll il-ġlied fuq l-art fil-Libanu, jum wara li l-Istat Lhudi invada l-pajjiż ġar.
Aktar qabel il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-Iran se jpattija bil-qares wara li spara lejhom mal-180 missila.