Il-fattur ewlieni wara t-tbassir pożittiv għal Malta tal-Kummissjoni Ewropea u l-klassifikazzjoni ta’ A+ minn Fitch Ratings kien id-deċiżjoni tal-Gvern li jilqa’ għall-piż taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.
Stqarr dan l-ekonomista Roderick Psaila f’kummenti li ta lil ONE News. Huwa spjega li s-sussidji tal-enerġija jaffettwaw l-għajxien tan-nies b’mod dirett u anke indirett. Dan huwa l-każ għax, apparti li l-kontijiet tal-enerġija u tal-fjuwils għall-poplu jibqgħu stabbli minħabba fihom, l-istess jista’ jintqal għan-negozji. B’hekk ma jiġux imxekklin biex ikomplu jipproduċu, filwaqt li l-prezz għall-konsumaturi jibqa’ taħt kontroll.
Roderick Psaila spjega li r-raġuni ewlenija għall-għoli tal-ħajja tinvolvi l-prezzijiet għoljin tal-enerġija internazzjonalment. Dawn il-prezzijiet qed jgħollu l-ispiża għall-produzzjoni, u dan il-piż jintrefa’, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumatur kieku ma jkunx hemm miżuri bġalma ħa l-gvern Malti.
Roderick Psaila stqarr ukoll li fattur ewlieni ieħor wara din il-prospettiva pożittiva għall-ekonomija Maltija huwa l-progress li sar sabiex Malta titneħħa mil-lista l-griża tal-FATF, liema tneħħija kienet waħda li saret fi żmien qasir.
“Jien nemmen li l-fatt li Malta ħarġet mill-grey list f’daqsekk qasir żmien, dak huwa punt sinifikanti – jiġifieri sena huwa l-inqas żmien li pajjiż qatt ħareġ mill-grey list – kumplimentat bir-ratings li,, wieħed wara l-ieħor jibqgħu jikkonfermaw li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba, u anke l-politika tal-Gvern fil-Budget, fejn hija politika ta’ espansjoni. Dawn f’daqqa jistgħu jġibu ħafna investiment barrani lejn Malta fiż-żmien li ġej.”
Huwa nnota wkoll li, permezz ta’ dawn il-fatturi, mhux talli ġew protetti l-impjiegi, talli d-domanda għall-ħaddiema mill-intrapriżi hija kważi akbar minn qabel. Dwar dan, Roderick Psaila rrefera wkoll għal punt imsemmi fit-tbassir u fil-klassifikazzjoni tal-kreditu, li minħabba l-politika ta’ tkabbir li qed jixpruna l-gvern Malti, is-settur privat jeħtieġ aktar ħaddiema ta’ kwalità. Huwa għalhekk importanti li dan l-aspett jiġi indirizzat f’ħinu u f’waqtu.
Roderick Psaila temm jgħid li, kollox ma’ kollox, ir-rapport ta’ Fitch kif ukoll it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea huma vot ta’ fiducja ghal politika tal-Gvern, li qed jinvesti fin-nies u qed jgħin lill-intrapriżi biex ikunu f’pożizzjoni li jkomplu jinvestu biex jikbru.