F’sentejn minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, id-Direttorat responsabbli mill-ħarsien tat-tfal vulnerabbli ħadem ma’ kważi tlett elef familja.
Bejniethom, dawn għamlu aktar minn erbat elef rapport, li ttieħdet azzjoni fuq aktar minn nofshom.
ID-DIRETTORAT GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL | ||||
2020 | 2021 | 2022 | TOTAL | |
RAPPORTI | 1,223 | 1,858 | 1,061 | 4,142 |
KAŻIJIET MAGĦLUQA | 790 (64%) | 892 (48%) | 665 (62%) | 2,347 (57%) |
Dawn iċ-ċifri ġew ippreżentanti f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Insaħħu l-Protezzjoni tat-Tfal”, li mmarkat il-ħidma tad-Direttorat tal-Protezzjoni tat-Tfal f’dawn l-aħħar sentejn.
Fi preżentazzjoni dettaljata, ġie spjegat kif ftit xhur wara li daħlet il-liġi f’Lulju tal-elfejn u għoxrin, ir-rapporti ta’ negliġenza fuq it-tfal is-sena l-oħra rduppjaw.
Id-Direttur tad-Direttorat tal-Protezzjoni tat-Tfal, Steve Libreri, spjega li mill-ħidma ma’ kważi tlett elef familja, inħarġu biss ħamsa u tletin care order, minkejja li kien hemm aktar minn tmenin applikazzjoni.
CARE ORDERS | APPLIKAZZJONIJIET | MILQUGĦA |
2020 | 12 | 5 |
2021 | 36 | 21 |
2022 | 36 | 9 |
Qal, “Minn dawk it-tlett elef familja, aħna bil-care order ilqatna madwar tmenin minnhom. Ara kemm għamilna xogħol terapewtiku biex nagħlqu l-każijiet b’mod ta’ suċċess, jiġifieri aħna m’aħniex interessati li nistudjaw rapport, u jekk il-problemi ngħalqu u jekk m’hemmx… le, dak huwa xogħol polizjesk. Aħna nagħmlu assessment, jiġifieri nistudjaw fil-fond id-dinamika tal-problema ħalli nkunu nistgħu nwasslu lill-familji għat-terapiji li għandhom bżonn.”
Dan id-Direttorat jaqa’ taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, u l-Kap Eżekuttiv tagħha, Alfred Grixti, spjega l-investiment li sar fir-riżors uman minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi.
Qal, “Kull ġenitur u legal guardian suppost jagħti ħafna każ lis-saħħa fiżika tat-tfal. Allura aħna ingaġġajna pedjatra li huwa assistit minn żewġ infermiera, li qed jieħdu lit-tfal kollha, jagħmlulhom l-eżami mediku, biex aħna l-istorja medika tat-tfal, li hija parti integrali mill-istorja ta’ ħajjithom, tkun irreġistrata u nipprevjenu milli jkun hemm problemi mediċi fil-futur.”
Il-Ministru responsabbli mid-drittijiet tat-tfal, Michael Falzon, saħaq li kull deċiżjoni li tittieħed fi ħdan id-Direttorat ikollha fil-qofol tagħha l-aqwa interess tat-tfal, għax it-tfal tal-lum mhux biss huma l-adulti ta’ għada, imma wkoll parti integrali mis-soċjetà.
Qal, “Il-protezzjoni ma bdietx ma’ din il-liġi imma din hija liġi li, bla dubju, dħalna f’areas ġodda u qed nipproteġu lit-tfal tagħna u aktar milli nipproteġuhom, qed naraw ukoll kif se ngħinuhom jilħqu l-potenzjal tagħhom.”