Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li fl-ewwel jum li jiltaqa’ l-Parlament se jkun qed ipoġġi r-rapport dwar il-midja tal-Kamra tar-Rappreżentanti, kif marbut bit-termini tar-referenza.
Hawnhekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrefera għal stqarrija ppubblikata b’rabta mar-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti Dwar il-midja u l-ittra annessa. Intqal li r-rapport ikun ippubblikat b’mod sħiħ bi trasparenza sħiħa kif il-Gvern dejjem wera f’dan il-proċess.
Intqal li mal-mument li rċieva r-rapport, il-Gvern minnufih ippubblika stqarrija biex jinforma li kien irċieva dan ir-rapport.
Dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni l-Gvern ifakkar li kellu diġà abbozzati numru ta’ liġijiet li jsaħħu bil-kbir il-professjoni tal-ġurnaliżmu u kien fuq inizjattiva tiegħu li għaddihom lill-Kumitat ta’ Esperti għall-ewwel rispons tiegħu.
Ibbażat fuq ir-rispons ta’ rapport li rċieva, li wkoll kien ippubblikat, il-Gvern ressaq liġijiet fil-Parlament. Minkejja li kienet diġà saret konsultazzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħass li għandha ssir iktar konsultazzjoni, bil-Gvern ma kellu ebda problema.
Għal darb’oħra il-Kumitat ta’ Esperti kien fdat b’dan il-proċess u l-Kumitat ħa l-impenn li jwessa’ l-konsultazzjoni tant li anke organizza konferenza għal dan il-għan.
“Ftit ġimgħat ilu l-Kumitat ta r-rapport finali li dwaru issa ssir l-evalwazzjoni tiegħu u jkun jista’ jsir il-proċess leġiżlattiv. Dan hu proċess fejn il-Gvern la qatt żamm u lanqas se jżomm xejn sigriet, filwaqt li qatt m’għalaq il-bieb għal konsultazzjoni”, temm jgħid lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.