Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet ikkonferma l-fatti kif dejjem ippreżentahom il- Prim Ministru, Robert Abela u jxejjen l-ispin u l-esaġerazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk li jiddettaw l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.
Dan spjegawh bil-fatti il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn emfasizzaw kif quddiem Oppożizzjoni qarrieqa li darba wara l-oħra tibqa’ tinjora l-fatti, huwa d-dover tal-Gvern li jippreżenta s-soluzzjonijiet.
Il-Ministru Jonathan Attard spjega kif fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni ppruvat taħbi u tqarraq prinċipji fundamentali. Huwa nnota sensiela ta’ fatti u qerq mill-Oppożizzjoni. L-ewwel l-Oppożizzjoni tgħid li s-sentenza tal-Qorti jew l-Awditur Ġenerali jgħidu li l-Gvern għamel xi frodi. Din hija gidba. Fakkar kif is-sentenza hi pubblika u jista’ jaqraha kulħadd u l-Qorti fl-ebda parti ma attribwiet xi frodi da parti tal-Gvern. It-tieni ħaġa hi li l-Oppożizzjoni tgħid li mis-sentenza tal-Qorti ’l hawn, il-Gvern m’għamel xejn.
Hawn il-Ministru Attard spjega kif anke jekk iss-sentenza għadha mhix finalim, tant li hemm appell il-Gvern xorta waħda temm il-konċessjoni, ħa l-isptarijiet f’idejh u waqaf iħallas lil Steward Healthcare. It-tielet punt hu li tal-Oppożizzjoni jgħidu li sal-bieraħ stess ma ttieħdu ebda passi ulterjuri wara s-sentenza. “Din hija gidba oħra għax jafu li hemm arbitraġġ internazzjonali u tal-Oppożizzjoni jafu wkoll li l-Gvern rebaħ l-arbitraġġ ta’ emerġenza,” spjega l-Ministru Attard.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq kif l-atitudni estremista tad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista għal darb oħra dehret ċara fil-parlament. Ellul spjega li l-Prim Ministru, fl-ewwel okkażjoni li kien qed jiltaqa’ l-Parlament wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, ta reazzjoni dettaljata fil-Parlament. Għamel dan b’rispett, b’ton realistiku iżda daqstant ieħor xejjen l-ispin tal-Oppożizzjoni.
Andy Ellul saħaq li għal darb’oħra rajna Oppożizzjoni li ma tiflaħx tisma’, Oppożizzjoni li trid toħnoq id-dibattitu u tfixkel lin-naħa tal-Gvern milli titkellem. “Oppożizzjoni b’żewġ Kapijiet li mhi kapaċi tipproponi xejn, b’kuntrast ma’ Gvern li fejn hemm sfidi, qed joffri s-soluzzjonijiet”, temm jirrimarka s-Segretarju Parlamentari.