Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni li ngħatat lill-Vitals Global Healthcare, juri kemm għandna istituzzjonijiet li jaħdmu f’pajjiżna.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-konklużjonijiet tar-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan ir-rapport jikkonferma li f’pajjiżna hawn saltna tad-dritt li taħdem u istituzzjonijiet li jagħmlu l-iskrutinju meħtieġ.
Il-Prim Ministru stqarr: “Ir-rapport tal-bieraħ juri kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu tant li kellek rapport li għamel skrutinju dettaljat fuq dak li ġara fid-deal tal-VGH u wkoll għamel ċertu rimarki u konklużjonijiet li jiena nistqarr minix sodisfatt bihom però dak juri kemm għandna istituzzjonijiet li jaħdmu u dak li rridu aħna bħala pajjiż, li jkollna saltna tad-dritt li taħdem, istituzzjonijiet li jagħmlu skrutinju u checks and balances ta’ xulxin.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li kieku kellu jiġi ffaċċjat bi proġett simili, kien jimxi b’mod differenti.
Huwa sostna: “Jien bħala Prim Ministru, kieku kelli niġi ffaċċjat bi proċess simili, jew bi proġett simili, il-mod kif nimxi jkun wieħed differenti minn dak li sar u dak huwa l-mod kif qed inħarsu li nimxu fuq livell ta’ governanza tajba f’dan il-pajjiż li nitgħallmu mill-iżbalji li saru, ma nerġgħux nirrepetu l-iżbalji, għaliex jekk tirrepeti l-iżbalji ma tistax tissejjaħ kredibbli. Aħna Gvern kredibbli, Gvern li tgħallimna minn dak li sar u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu nkattru l-ġid għal pajjiżna.”
Il-Prim Ministru m’eskludiex li jkun hemm tibdil fil-kariga tal-Avukat Ġenerali.
Qal li dan mhux minħabba l-allegazzjonijiet li saru fil-Qorti li ta struzzjonijiet lill-Pulizija.
Dr Abela kompla jispjega: “Inti f’kariga tagħmel perjodu ta’ snin u huwa tajjeb li jkollok bidliet minn żmien għal żmien sabiex anki l-kwalità tax-xogħol tibqa’ waħda li tkun waħda tajba u wieħed jibqa’ jħares ’il quddiem.