“Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma l-konsistenza li mexa biha l-Gvern dwar din il-kwistjoni mill-2020 ’il quddiem.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’diskors Parlamentari dwar it-tielet rapport mill-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-Isptarijiet.
Rapport li janalizza l-perjodu li matulu l-konċessjoni għaddiet mingħand il-VGH għal għand Steward Healthcare bejn l-2017 u l-2018 u li fost oħrajn juri kif il-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid fl-2020 ġabet bidla fl-istil fil-konfront ta’ Steward Healtcare. Stil li wassal biex il-Gvern iddeċieda li ma tinbidilx il-konċessjoni.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Dr Robert Abela tenna li dan ir-rapport iġib fix-xejn l-ispin tal-fatti mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, filwaqt li kkonferma l-konsistenza li mexa biha l-Gvern f’dan ir-rigward.
“X’jikkonferma r-rapport? Għalija l-iktar punt fundamentali: jikkonferma dak li konsistentement għidt jien dwar il-mod kif mexxejna dwar din il-kwistjoni mill-2020 ’il quddiem.”
Tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif il-fatti li ppreżenta hu f’isem il-Gvern tul l-aħħar xhur ma hemmx dubju dwarhom u r-rapport tal-Awditur Ġenerali, jikkonferma dan.
“Tant huwa indubitat li l-fatti kif dejjem spjegajthom jien huma l-verżjoni korretta, u dak li xebgħet tallega l-Oppożizzjoni m’għandu xejn mis-sewwa, li l-Awditur u t-tim kollu tiegħu lanqas biss ħassew il-ħtieġa li jibagħtu għalija u jitolbuni biex nixhed.”
Intant, il-Prim Ministru għamel aċċenn għad-Denunzja tal-Oppożizzjoni dwar din il-materja li tkompli tikkonferma l-istil ta’ politika negattiva li timxi biha.
Hawn Dr Abela rrimarka kif hawn inkixfet l-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista, primarjament b’dak li ġie żvelat dwar id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio.
“L-ironija taf x’inhi? Li waqt li l-Onorevoli Joe Giglio kien qiegħed jispjega dwar kif ried jixħet lilna t-tlieta fil-ħabs dwar din il-kwistjoni ta’ Steward, fl-istess waqt lill-Kap tal-Oppożizzjoni ma qallux li hu qiegħed jiddefendi lil min qed jiġi indagat fl-inkesta ta’ Steward u tal-VGH. Ara dik, lill-Kap tal-Oppożizzjoni ma qalhilux, għax ħaseb li aħna ma konniex se nsiru nafu li hu avukat difensur ta’ min qed jiġi indagat fl-inkjesta. Lanqas int, Karol, ma kont tafha din, għax int għamilt il-konferenza stampa miegħu. Ara din, ma qalhilekx l-avukat Giglio lilek, id-deputat Giglio. Però, sospriż kont, naf. Smajt li kont sorpriż ħafna.”
Quddiem din l-inkonsistenza mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Dr Abela fakkar kif il-Gvern mexa b’konsistenza u b’għaqal anke minn mindu ngħatat is-sentenza mill-Imħallef, fosthom li ħa l-isptarijiet f’idejh, li ta garanzija li s-servizz mediku se jibqa’ għaddej u ta serħan il-moħħ lill-ħaddiema b’rabta ma’ xogħolhom u anke l-kundizzjonijiet tagħhom, fost ħafna iktar.
Kien hawn ukoll li l-Prim Ministru rrimarka kif ħadd ma jaf x’temmen fih l-Oppożizzjoni dwar din il-materja, aħseb u ara x’deċiżjonijiet għandha tieħu.
“Dakinhar qajmu plejtu għax qalu li ridna nerġgħu nagħtu l-isptarijiet lill-privat. Jgħaddu ftit jiem, imur il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u jagħti intervista lil Malta Independent, f’mument fejn, jien kont diġa’ kkomettejt li l-kura akuta se tkun f’idejn il-Gvern. Jagħti din l-intervista u fetaħ il-bieb biex is-servizz tal-kura akuta jagħtih lil privat, jekk ikun hu Prim Ministru. U ma kienx żball, għax imbagħad issir konferenza stampa quddiem St Lukes, u jerġgħu isaqsuh speċifikament il-ġurnalisti fuq dan il-punt u jerġa’ jikkonferma l-istess.”
Dr Abela temm jgħid li fuq din il-kwistjoni, il-poplu ma’ dan il-Gvern jaf kif qiegħed. Tenna li fiż-żmien li ġej il-Gvern irid ikompli jinvesti f’dan il-qasam.
“Filwaqt li iva, nindirizzaw din l-isfida, li ddiskutejna llum, il-gvern se jibqa’ immexxi l-pajjiż ’il quddiem, flimkien mal-poplu tagħna, se nibqgħu nagħmlu suċċess minn dan il-pajjiż, għax għandna fiduċja f’pajjiżna, għax nemmnu f’pajjiżna, u għaliex inħobbu lil pajjiżna.”