Waqt id-diskors tiegħu f’attività politika fl-Isla, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward tal-kuntratt dwar il-power station il-ġdida li ħareġ aktar kmieni din il-ġimgħa.
Innota li dan huwa rapport pożittiv u tajjeb dwar dak li huwa l-ikbar proġett infrastrutturali li kellu sa issa l-pajjiż.Innota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien pront u sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet mumenti wara li ħareġ dan ir-rapport ta’ ħames mitt paġna, mentri l-Gvern analizza b’reqqa u kkummenta wara.
Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni għadha ma fehmitx il-punt bażiku ta’ kif taħdem il-politika tal-enerġija.
Innota li l-proġett tal-powerstation il-ġdida li mill-aktar żejt li jniġġes il-heavy fuel oil qalbet għall-gass, biddel il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin għall-aħjar, fl-istess waqt li qed tagħtihom garanzija ta’ kontijiet irħas.
Fakkar li fuq kollox, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali xejjen għalkollox l-argumenti tal-Oppożizzjoni u anzi jisħaq bil-kontra, li din il-powerstation li taħdem b’arja nadifa, kienet meħtieġa biex pajjiżna jkollu sigurtà ta’ provista.
Il-Prim Ministru nnota wkoll statistika tal-Unjoni Ewropea li qalet kif mill-2013 ’l hawn, Malta kellha t-tieni l-akbar roħs fil-prezz tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea.