Illejla l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ppubblika r-rapport tad-due diligence fuq iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’dokument ta’ sitta u għoxrin faċċata, it-tliet esperti li tqabbdu mill-Partit Nazzjonalista biex jagħmlu r-rapport tad-due diligence fuq Adrian Delia u Bernard Grech elenkaw bosta nuqqasijiet fuq iż-żewġ kandidati.
Dwar Adrian Delia, ir-rapport tad-due diligence jsemmi sensiela t’allegazzjonijiet serji li għandu fuq rasu l-Kap Nazzjonalista fosthom li allegatament daħħal flus mill-prostituzzjoni minn kont bankarju f’Jersey.
Allegazzjoni oħra hi dwar ħlas t’eluf t’ewro minn bank lil Delia li sar mingħajr il-kunsens ta’ negozjant li kien klijent ta’ Delia.
Dwar Delia tissemma wkoll allegazzjoni oħra li meta kien President tal-klabb tal-futbol ta’ Birkirkara, kien inħataf għall-interrogazzjoni il-gowlkeeper tat-tim u dan ittieħed f’garaxx.
Allegazzjoni marbuta oħra ma’ Delia hi li huwa ltaqa’ u ħa flus m’għand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Hawnhekk jissemma li allegatament, Delia ħa flus biex tiġi mminata l-kampanja ta’ David Casa għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Intant dwar Bernard Grech jingħad li allegazzjonijiet serji oħra qamu dan l-aħħar, meta kien kważi wasal fi tmiemu l-proċess tad-due diligence.
B’referenza għan-nuqqas ta’ ħlasijiet tat-taxxa u tal-VAT għal snin twal min-naħa ta’ Bernard Grech, il-persuni mqabbda mill-Partit Nazzjonalista biex iwettqu d-due diligence fuq iż-żewġ kandidati, qalu li l-politiċi jridu jmexxu bl-eżempju.
Intant l-esperti li għamlu d-due diligence saħqu li l-bord li vverifika l-kandidati m’għandhom l-ebda setgħa regolatorja u ma kinux f’pożizzjoni li jitolbu informazzjoni m’għand xi entità jew awtorità biex jivverifikaw dak li qalulhom Adrian Delia u Bernard Grech.
Qalu li huma kellhom il-limitazzjonijiet, nuqqas ta’ riżorsi u żmien.
Dan wassal biex ma setgħux jistabilixxu jekk dak li qalu Delia u Grech kienx vera jew le.
Dan jikkonferma dak li kien qal il-Partit Laburista, li sejjaħ il-proċess tad-due diligence bħala wieħed superfiċjali u li fil-verità m’hemmx għażla bejn Adrian Delia u Bernard Grech.