L-aħħar Rapport PISA, maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, l-OECD, juri li l-istudenti Maltin u Għawdxin għamlu progress fix-xjenza meta mqabbel mal-aħħar rapport maħruġ fl-2018. Fil-matematika u l-qari, ir-riżultati ta’ pajjiżna huma konsistenti ma’ dawk tal-aħħar rapport tal-2018.
Dan ir-rapport tal-OECD jagħmel valutazzjoni internazzjonali tal-istudenti u jkejjel il-kapaċità ta’ żgħażagħ ta’ 15-il sena li jużaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza biex jilqgħu għall-isfidi tal-ħajja reali.
Dan l-eżerċizzju jsir kull tliet snin, madankollu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ma sarx fl-2021, u sar is-sena li għaddiet, minflok.
Il-pandemija affettwat lill-pajjiżi kollha, kif jixhdu r-riżultati f’dan ir-rapport, tant li bħala medja, fix-xjenza l-pajjiżi kollha baqgħu konsistenti mar-rapport tal-2018, b’Malta ttejjeb il-pożizzjoni tagħha b’disa’ punti.
Ir-rapport juri li f’Malta madwar 13% tal-istudenti, li ġejjin minn sfond soċjo-ekonomiku żvantaġġat, ikklassifikaw fl-ogħla kwart tal-prestazzjoni fil-matematika.
Ir-rapport jgħid li dawn l-istudenti jistgħu jitqiesu bħala akkademikament reżiljenti, għax, minkejja l-iżvantaġġ soċjo-ekonomiku, kisbu eċċellenza edukattiva meta mqabbel ma’ studenti oħrajn f’Malta stess.
Il-perċentwal ta’ 13% hu wkoll aħjar mill-medja ta’ 10% tal-pajjiżi l-aktar ekonomikament b’saħħithom fid-dinja fi ħdan l-OECD.
Fost statistika oħra, ir-rapport tal-organizzazzjoni globali juri li 91% tal-istudenti jħossuhom siguri fil-klassi tagħhom, 76% tal-istudenti jinsabu kuntenti bl-andament tal-ħajja tagħhom, filwaqt li ġie nnotat ukoll tnaqqis fir-rata tal-istudenti li jirrapportaw każi ta’ bbuljar.
Ir-rapport jgħid li dawn ir-riżultati huma l-ewwel b’indikazzjonijiet tal-effetti sinifikanti tal-pandemija fuq it-tagħlim tal-istudenti.
B’rabta ma’ dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal fi stqarrija kif il-Gvern qed jilqa’ għal dan l-impatt billi mexxa ’l quddiem diversi strateġiji u inizjattivi ħalli jindirizza b’mod konkret dawn l-effetti.
Fost dawn, fl-aħħar xhur, il-Ministeru ppubblika u beda jimplimenta l-istrateġija msejħa Early Leaving from Education and Training, b’enfażi fil-bidla fl-approċċ minn kumpens għal prevenzjoni, b’ħidma ffokata fuq is-snin bikrin.
Minbarra hekk, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida, li dalwaqt se tkun imnedija għall-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni, tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u, b’mod integrat, tara li l-istudent ikun qiegħed jilħaq l-livelli neċessarji fil-litteriżmu.