F’seminar, bis-sehem tal-imsieħba soċjali, ġie ppreżentat ir-Rapport Nazzjonali tal-Produttività għas-sena 2024, li jiffoka fuq l-opportunitajiet kbar u l-isfidi maħluqa mit-tranżizzjoni doppja, jiġifieri l-avvanz simultanju ta’ trasformazzjonijiet ħodor u diġitali.
B’diskorsi tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, u ċ-Chairman tal-Board tal-Produzzjoni Nazzjonali, il-Perit David Xuereb, ġie spjegat kif ir-rapport ġie fformat minn analiżi robusta, bl-involviment tal-partijiet kollha interessati fil-kuntest soċjo-ekonomiku uniku ta’ pajjiżna.
Ir-rapport ukoll jipprovdi qafas komprensiv ta’ azzjoni, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet immirati biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin, minn diskrepanzi fil-ħiliet u lakuni fl-infrastruttura għal kordinazzjoni tal-politika u mekkaniżmi ta’ finanzjament.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex biss teoretiċi, iżda joffru mogħdijiet prattiċi biex jimxu mal-prijoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej jew globali.
Il-Perit David Xuereb qal li, flimkien, nistgħu niżguraw li Malta tiffjorixxi f’era ġdida billi tistabbilixxi punt ta’ referenza għall- produttività u l-innovazzjoni fuq skala globali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna li l-Gvern jagħraf li l-għażliet li jsiru llum se jiddefinixxu l-ġejjieni tal-pajjiż għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Hu sostna li, għalhekk, irid ikun hemm l-impenn li jiġu żgurati prijoritajiet ta’ investiment u strateġiji nazzjonali li wkoll jallineaw mal-Viżjoni Malta 2050, li għadha kemm tnediet għall-konsultazzjoni pubblika mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan il-qafas fit-tul għal pajjiżna, b’90 mira speċifika f’diversi oqsma, li l-maġġoranza tagħhom iridu jintlaħqu sal-2035, se jara li nkunu produttivi, sostenibbli, innovattiva u inklussivi.
“Illum għandna ċertifikat ieħor b’saħħtu għal pajjiżna. Smajna dwar produttività, għax il-produttività tgħin lil pajjiżna jibqa’ kompetittiv, tgħin lil min iħaddem biex jibqa’ jkabbar l-operat tiegħu, però, fl-aħħar mill-aħħar, imbagħad, il-produttività ġġib magħha xogħlijiet ta’ kwalità aħjar, li jfisser pagi aħjar u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tagħna. U, allura, sodisfatt jien illum anke kif esprimew ruħhom l-imsieħba soċjali li dan hu ċertifikat ieħor b’saħħtu għal pajjiżna, li jfisser li mexjin fid-direzzjoni t-tajba.”
Andy Ellul, Segretarju Parlamentari