Il-Prim Ministru talab lilll-Kunsilli Lokali biex janalizzaw u jwieġbu għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, li fih jikkritika l-mod kif jitmexxew il-finanzi tal-istess Kunsilli.
Dan l-appell sar waqt laqgħa tal-Kabinett fil-Mosta, li fiha kompla jisma’ t-tħassib u s-suġġerimenti tar-rappreżentanti tal-lokalitajiet tal-madwar.
Fir-rapport tiegħu dwar il-Kunsilli Lokali, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jinnota każijiet fejn ix-xiri ma sarx skont ir-regolamenti, fejn l-ispiża attwali eċċediet l-allokazzjoni tal-baġit, u fejn erba’ Kunsilli Lokali naqsu milli jipprovdu l-materjal kollu meħtieġ għall-verifika minn dan l-uffiċċju.
F’dan id-dawl, il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza ta’ analiżi u risposta għal dan ir-rapport.
Eżerċizzju qed iwettaq il-Gvern innifsu: li jagħti risposta dwar kif it-tħassib u l-kritika tal-Awditur qed tkun indirizzata.
Filfatt tenna li permezz ta’ analiżi u risposta lill-Awditur, il-Kunsilli se jiggwadanjaw għaliex b’hekk jitgħallmu, itejbu l-operat tagħhom, u fejn ma jaqblux mal-Awditur, jiċċaraw il-pużizzjoni tagħhom. B’hekk tinħoloq komunikazzjoni mal-Uffiċċju tal-Awditur li ma tkunx ibbażata fuq antagoniżmu imma koperazzjoni.
F’din il-laqgħa kienu nnutati l-bidliet li qed isiru biex il-Kunsilli Lokali ikollhom iktar kontabilità – ikluż fl-għoti tat-tenders u x-xiri pubbliku. Bi proċessi li jiddeċentralizzaw it-tqassim tal-poter u jiżguraw iktar trasparenza.
Il-Prim Ministru innota li minkejja ż-żieda notevoli fil-fondi mill-Gvern ċentrali – żieda li kienet apprezzata mill-Kunsilli Lokali – il-problemi ta’ finanzi fil-Kunsilli hija waħda reali.
Problema li ilha ġejja ż-żmien, partikolarment minn skemi taħt Gvern preċedenti li ħallew lill-Kunsilli midjuna.
Kwistjoni, tenna l-Prim Ministru, li ma nistgħux ninħbew minnha.
Tenna però li s-soluzzjoni mhijiex li jsir iżjed dejn, imma bidla strutturali, li l-Gvern se jkun qed jaħdem fuqha għaż-żmien li ġej.