Ġie ppreżentat ir-rapport finali tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia lill-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dan wara li jumejn ilu l-bord ħabbar li tlestiet.
Fis-seduta Parlamentari tal-lum ukoll se tkun qed issir diskussjoni mingħajr vot b’rabta mal-konklużjonijiet tal-istess rapport mill-4:00 ’il quddiem.
Din l-inkjesta fil-każ Jean Paul Sofia, skont l-Att tal-Inkjesti, kienet bdiet nhar il-Ħamis 10 ta’ Awwissu 2023, minn fejn bdew għadd ta’ seduti f’Awla 22 tal-Qorti b’diversi xhieda, inkluż uffiċjali tal-Gvern.
L-inkjesta kienet tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u tmexxiet mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, flimkien mal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, u l-Perit Mario Cassar.
Skont it-termini ta’ referenza tagħha, l-inkjesta kellha tistħarreġ jekk l-allokazzjoni tal-art minn entitajiet tal-Gvern saritx skont il-liġi u ssemma wkoll li għandu jkun investigat jekk hemmx rabta bejn l-allokazzjoni tal-art, it-tiġrif tal-binja u l-konsegwenzi tagħha.
Jean Paul Sofia miet fit-3 ta’ Diċembru tal-2022 meta ġġarrfet binja, li kienet għadha taħt kostruzzjoni, fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Ftit wara li tħabbret l-inkjesta pubblika, kienet tlestiet ukoll l-inkjesta Maġisterjali li saret mill-Maġistrat Marseanne Farrugia u ġew imressqa akkużi fil-Qorti fil-konfront ta’ ħames persuni dwar it-traġedja.