Wara li aktar kmieni kien irrifjuta offerta tal-prosekuzzjoni li jiskonta biss sitt xhur ħabs flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra jekk jiddikjara li kien ħati, ir-Rapper Amerikan A$AP Rocky ma nstabx ħati ta’ żewġ każi ta’ akkuża li spara arma semi awtomatika.
Hekk kif inqara l-verdett, Rocky deher jaqbeż bil-ferħ f’dirgħajn is-sieħba tiegħu Rihanna.
Wara ġuri ta’ tliet ġimgħat, il-ġurija ddeliberat għal biss tliet sigħat sabiex ħelset lir-rapper mill-akkużi li potenzjalment seta’ batuh aktar minn 20 sena ħabs.
Rocky, li ismu veru huwa Rakim Mayers, irringrazzja lill-ġurati li salvawlu ħajtu hekk kif dawn ħarġu mill-awla.
A$AP Rocky kien ġie arrestat f’Novembru 2022 u akkużat li spara kontra l-eks ħabib tiegħu Terell Ephron magħruf bħala A$AP Relli, li xehed li Rocky kien ippuntalu pistola u spara tiri li laqtuh f’idejh nhar is-6 ta’ Novembru 2021.
Iżda l-avukati ta’ Rocky kif ukoll persuni li kienu preżenti qalu li Rocky kien spara pistola finta li kien qed iżomm fuqu bħala sigurtà u li kienet intużat waqt il-ġbid ta’ vidjow mużikali ftit xhur qabel. Huma qalu li Rocky kien sparaha bħala twissija hekk kif Relli kien qed jattakka membru ieħor tat-tim tagħhom.