ll-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli iddefendiet ir-reazzjoni tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għal rapport tal-Awditur billi qalet li ċerti rakkomandazzjonijiet li saru jmorru kontra direttivi ewropej.
Meta kienet qed tagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi finanzjarji tal-awtorità, il-Ministru Dalli qalet li trid li r-rapport tal-awditur jiġi diskuss fil-Kumitat tal-Kamra għall-Kontijiet Pubbliċi biex issir evalwazzjoni sewwa.
Hija ċaħdet allegazzjoni li kien biss f’April li l-awtorità ħarġet linji gwida dwar it-tneħħija ta’ asbestos minn postijiet tax-xogħol. Qalet li dawn il-pariri ilhom żviluppati iżda li għamlet l-awtorità f’April kien li kkonsolidathom f’dokument wieħed biex tiffaċilitha l-awto-regolazzjoni.
Il-Ministru Dalli ċaħdet l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni li qablet mal-vapur tal-gass f’Marsaxlokk qabel ma ġew pubblikati r-rapporti dwar ir-riskji. Hija qalet li l-awtorità ma ħadet ebda pass qabel ma l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea assiguraw li kollox kien skont prattiċi ta’ sigurtà.
Meta ressqet il-mozzjoni, il-Ministru qalet li l-awtorità qed tieħu ħsieb is-saħħa mentali u stress li jwasslu biex ħaddiema jkunu fil-periklu. Ħabbret li l-inċidenti u l-imwiet fuq il-post tax-xogħol qed jonqsu.Enfasizzat li anke mewta waħda hija żejda u appellat lill-ħaddiema u lil min iħaddem biex joqgħodu iżjed attenti.
Hija semmiet rapport li għamlu evalwaturi ewropej li qalu li hemm bżonn aktar riżorsi, minkejja li dawk illum huma limitati, u l-awtorità xorta għamlet ħafna xogħol.
Is-Segretarju Parliamentari Deo Debattista qal li spetturi internazzjonali ammettew li tgħallmu ħafna minn żjara li għamlu lill-OHSA waqt li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-awtorità, anke bir-riżorsi limitati li għandha, taħdem sew.
Il-membru parlamentari Robert Abela qal li wasal iż-żmien li l-awtorità jkollha uffiċju f’Għawdex.