Tul din il-ġimgħa, ir-raħal ta’ Ħal Tarxien qed jiċċelebra l-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata. Festa f’raħal żgħir li fiċ-ċokon tiegħu wieħed isib għadd sostanzjali ta’ dilettanti li ta’ kull sena jaħdmu id f’id biex Ħal Tarxien ikompli jfur b’xogħol artistiku u pittoresk.
Waħda mill-Għaqdiet li taħdem qatiegħ għall dan ir-raħal hi l-Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata li ‘fl-okkażjoni ta’ għeluq it-30 sena mit-twaqqif tagħha, fetħet il-festi ad unur Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien nhar l-Erbgħa 23 ta’ Mejju 2018 bl’inawgurazzjoni ta’ supraporti ġodda tul Triq l-Annunzjata.
Fuq disinn oriġinali tal-artist Għawdxi Josef Camilleri, dan il-proġett ambizzjuz ta’ 16-il supraporta sab postu mal-lista vasta t’armar rikk f’dan ir-raħal. Dik li xi darba kienet holma ghall membri tal-Għaqda, issa saret realta’.
Il-Program ta’ din l-istess Għaqda kompla il-Ħadd 27 ta’ Mejju fejn fi Triq is-Sorijiet gie inawgurat il-Pedestall Monumentali tal-istatwa ta’ Marija Annunzjata wara restawr estensiv. F’din l-attivita Muziko-Letterarja bil-partecipazzjoni tal-kor ‘Tota Pulchra’ taħt id-direzzjoni tas-Surmast Walter Tonna ġew premjati il-persuni li b’xi mod jew iehor kienu ta’ għajnuna għall-Għaqda, b’mod partikolari il-membri.
Intant tul din il-ġimgħa, flimkien ma’ attivitajiet oħra mtellà minn għadd ta’ għaqdiet fir-raħal, l-programm tal-Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata relatat mal-Festa 2018 ikompli nhar it-Tlieta 29 ta’ Mejju bil kxif tal-istatwa ta’ Marija Reġina indurata bid-deheb fuq disinn dekorattiv tal-artist Manwel Grech fi Triq l-Annunzjata waqt Marċ Tradizzjonali mill-Banda Madonna tal-Gilju, Imqabba biex imbgħad nhar il-Ġimgha 1 ta’ Ġunju – ‘Kewkba’ – Xow spettakolari ta’ nar sinkronizzat mal-muzika fi Triq is-Sorijiet biswit il-Pedestall Monumentali ta’ Marija Annunzjata.’
Dan kollu se jkun mgħaġun ma’ attivitajiet oħra fosthom kunċert fuq il-plancier mtella mill-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata flimkiem ma’ għadd ta’ marċi u prestazzjonijiet ta’ nar tal-art u tal-ajru.