Roddy Swinton Williams, ir-raġel ta’ Natalie Williams li nstabet maqfula f’kamra fil-blat fil-Kalkara wara tlett ijiem nieqsa, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrrest wara li wieġeb mhux ħati li pprova joqtol lil martu.
Liebes jeans u ġakketta sewda b’partijiet mqatta’, Roddy Williams tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech akkużat b’attentat ta’ qtil fuq martu, li sforza ruħu fuqha u li fl-istess data post u ħin ffastidjaha.
Pjuttost kalma iżda f’xi mumenti, ftit nervuż fil-qorti, Roddy qed jiġi akkużat ukoll li żamm lil martu kontra r-rieda tagħha, li bezzagħha u li kien fil-pussess ta’ sustanza illegali.
Huwa ġie mixli wkoll li dakinhar li nqabad, hedded u kkawża ġrieħi fuq uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll feriti ħfief fuq iben il-vittma, Owen Vella filwaqt li tellef mill-paċi pubblika u li kien riċediv.
Fil-Qorti, l-Avukati Franco Debono, Yanika Vidal u Marion Camilleri li dehru ghall-akkuzat, talbu għall-ħelsien mill-arrest hekk kif argumentaw li hemm inkonsistenza fl-istqarrijiet li għamlet il-vittma lill-Pulizija.
L-avukat Debono fisser kif fl-ewwel stqarrija, Natalie Williams qalet li Roddy mar għaliha x-xogħol fejn kienet mhedda minnu, filwaqt li fit-tieni verżjoni qalet li hija aċċettat li tmur miegħu fil-post imsemmi.
L-avukat Debono talab ukoll biex l-akkużat ikun eżaminat minn tabib wara li deher fl-awla b’għajnejh sewda kawża ta’ daqqa ta’ ponn f’għajnejh ix-xellugija.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest partikolarment għaliex għad trid tixhed il-vittma li għaliha dehru parte ċivile, l-avukati, Ludvic Caruana u Janice Borg.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Paula Ciantar u Josric Mifsud.