Il-Qorti illiberat lir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono minn diversi akkużi fil-konfront tiegħu.
Dan wara li fis-sentenza l-Maġistrat qal li l-akkużi ma kinux “sodisfaċentement ipprovati.”
Ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono tressaq il-Qorti wara li l-gazzetta Maltatoday kienet żvelat li kien allegat li l-Ministeru għal Għawdex kien qed iwettaq xogħol fil-privat minn fondi pubbliċi.
Dan minn dipartiment tal-Gvern li tiegħu Anthony Debono kien kap.
Dakinhar kienu saħansitra anke ppubblikati dokumenti.
Fil-Qorti ntqal li l-imputat kellu xi skema li jipprovdi xogħlijiet lil individwi privati fil-kostitwenza tal-mara tiegħu, l-eks Ministru Giovanna Debono, u dawn ix-xogħlijiet kienu jitħallsu mill-budget tal-Ministeru.
L-akkuża kienet li dawn kienu qegħdin isiru proprju minħabba raġunijiet ta’ kostitwenza.
Dwar dan kien hemm whistleblower li xehed fid-dettall.
Filwaqt li xhieda oħra taw interpretazzjoni differenti. Finalment il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm biżejjed provi u għalhekk ħelsitu.