Ir-raġel mixli li ta n-nar lil dgħajsa li kienet imbarkata Tas-Sliema, allegatment kiser ukoll tliet kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien tal-arrest.
Wayne Delia, ta’ 36 sena, minn Santa Venera ġie arrestat għax kien b’żaqqu barra u b’hekk intgħaraf mit-tpinġija. Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xiehda li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li llum reġa’ lura għax-xogħol wara xhur rikoverat l-isptar Mater Dei.
Allegatament, Delia deher fuq xi kameras tas-sigurtà fil-viċinanzi jxerred xi likwidu.
Is-sieħba ta’ Delia, Rosaria Maria Camilleri, hi implikata fil-każ, tant li kienet għamlet ħames sigħat arrestata. Hija qalet li Delia hu vittma f’dan il-każ għax tinsab ċerta li kien imqabbad minn xi ħadd. Camilleri kienet involuta wkoll f’argument mal-akkużat, tant li l-ġirien għamlu rapport lill-Pulizija minħabba l-istorbju. Hi qalet li kienet taf bil-ħruq wara li telqu minn tas-Sliema.
Mill-mowbajl tal-allegat, ġew traċċati zewġ kuntatti li qajmu suspett: dak tas-sieħba tiegħu u dak ta’ Oivin Xuereb. Allegatament, Xuereb mela l-landa bil-petrol iżda, malli nduna x’kien biħsiebu jagħmel Delia, wissieh li kien qed jistieden tmien snin ħabs, filwaqt li pprova jaħbi l-landa.
In-nar fuq id-dgħajsa ġie kkontrollat meta persuna li nzertat għaddejja telgħet abbord u rmiet l-oġġett li kien qed jaqbad fil-baħar.
Mill-filmati miksuba mill-kameras tas-sigurtà, dehru tnejn min-nies fuq id-dgħajsa. Wieħed minnhom deher iferrex il-likwidu qabel ma qabeż mid-dgħajsa.
Fuq il-pedana tax-xhieda, sid id-dgħajsa, Paul Gauci, u Keith Bezzina, li jagħmel użu minnha, qalu li l-ispejjez jammontaw għal madwar €778.
Delia wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Colin Sheldon u Jeffrey Scicluna.
L-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb, u Marion Camilleri qed jidhru għal Delia. Huma m’għamlu ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Rene Darmanin qed jidher bħala parte civile f’isem is-sidien tad-dgħajsa.