Stefano Mascellani hu r-raġel li lbieraħ instab mejjet fl-inħawi taż-Żonqor f’Marsaskala.
Sit Taljan irrapporta kif Stefano Mascellani, ta’ 44 sena hu kok Taljan minn Badia Polesine u hu magħruf sew f’Malta għal-ikel li jsajjar f’ristorant magħruf fil-Birgu.
Is-sit irrapporta kif hu tilef ħajtu waqt li kien qed jiġri x’aktarx b’attakk tal-qalb.
Mascellani ħalla warajh lil ħuh u lil oħtu. Il-ġenituri ta’ Mascellani, Guido Mascellani u ommu Lidia Soffritti huma magħrufa wkoll f’Badia dan għaliex huma kellhom ħanut tal-laħam fiċ-ċentru sa 4 snin ilu.
Kien għall-ħabta tal-10.30 tal-bieraħ filgħodu li l-Pulizija ġiet mgħarrfa li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha wara li ġie nnutat raġel mitluq mal-art.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-vittma iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex tiġi stabbilita l-kawża tal-mewt.