Ix-xufier tat-taxis Mario Farrugia, li nstab mejjet f’bagoll ta’ karozza f’April li għadda, tkellem ma’ ħuh qabel miet, u qallu li jinsab imħasseb dwar żewġ klijenti li ssuspetta li kienu nvoluti f’bejgħ tad-droga u li kienu qed jużaw is-servizzi tiegħu u jħallsuh biss nofs il-prezz.
Il-ġisem bla ħajja ta’ Farrugia nstab fil-bagoll tal-karozza tiegħu fil-wied ta’ Ħal Qormi fil-ħamsa t’April li għadda.
L-awtopsja kienet uriet li r-raġel inqatel b’xejn inqas minn ħamsa u erbgħin daqqa ta’ sikkina f’sidru.
Dawn id-dettalji ħarġu fil-Qorti, meta ħu l-vittma, Joseph, xehed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Elliot Paul Busuttil, ta’ tmienja u tletin sena, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Farrugia.
Fl-aħħar seduta f’Mejju, fil-Qorti ngħad li d-DNA ta’ Farrugia nstabet fi tbajja’ tad-demm li nstabu mal-ħajt tal-kamra tas-sodda tal-akkużat.
Ħu l-vittma qal fil-Qorti li Mario kien irrappurtat nieqes mill-ġirien u hu sar jaf bil-każ minn fuq Facebook għax kien imsiefer meta seħħ il-qtil.
Qal li ċempel lil martu biex jitlobha tara x’inhu jiġri u hi qaltlu li l-Pulizija qalulha li rċevew rapport li kien irrappurtat nieqes.
Mistoqsi dwar il-karozza ta’ ħuh, Joseph xehed li kien xtraha minn fuq il-MaltaPark biex ikun jista’ jaħdem bħala xufier tat-taxis.
Ix-xhud tkellem dwar l-aħħar darba li ra lil ħuh, meta mar id-dar tiegħu biex jgħinu jaqra korrispondenza, għaliex il-vittma ma kienx jaf jaqra.
Dakinhar kien staqsieh kif sejjer ix-xogħol u qallu li ma kienx sejjer tajjeb. Qallu wkoll li kien hemm żewġ persuni li dejjem jibbukkjaw is-servizzi tiegħu imma jħallsuh nofs il-prezz biss. Qallu wkoll li kien qed jissuspetta li dawn iż-żewġ individwi kienu nvoluti fil-bejgħ tad-droga.
Il-każ ikompli fit-tmienja u għoxrin ta’ Ġunju.