Żagħżugħ li ġie arrestat wara ġirja bil-karozzi mal-Pulizija nhar it-Tnejn, kien fuq libertà proviżorja dwar allegat traffikar tad-droga u attivitajiet sesswali ma’ minuri.
Josef Zammit ta’ 29 sena minn Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti t-Tlieta akkużat fost l-oħrajn li rreżista l-arrest u li kien vjolenti mal-Pulizija. Hu kien akkużat ukoll li għamel ħsara fuq propjetà, li saq b’mod perikoluż, u li m’obdiex kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest sena ilu.
L-Ispettur Mark Anthony Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga qal li l-Pulizija kellha informazzjoni li Zammit kien involut fi traffikar tad-droga.
Il-Pulizija qabdu lil Zammit it-Tnejn wara ġirja bil-karozzi.
Minn tfittxija separata li saret, missier Zammit ipprova jaħrab b’ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti qabel ma ġie arrestat.
L-Ispettur Mercieca qal ukoll li għaddejjin xi investigazzjonijiet dwar allegat ħasil tal-flus.
Il-Qorti se tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest f’digriet aktar ‘il quddiem.
https://www.one.com.mt/2021/04/12/tliet-persuni-arrestati-fzewg-operazzjonijiet-kontra-t-traffikar-tad-droga/