Serb ta’ 38 sena, li mill-pulizija qed jiġi meqjus bħala perikoluż ħafna ġie arrestat fl-Imsida wara negozjati t’aktar minn ħames sigħat.
Dan hekk kif ir-raġel beda jhedded li se joqtol lin-nies u kien armat b’armi tan-nar u skieken.
Huwa ssakkar f’daru fi triq il-Qrejten, wara li qed jiġi rappurtat li kellu argument ma’ persuna oħra fit-triq fuq karozza.
Il-każ beda jiżviluppa l-Ħadd filgħaxija, għal ħabta tas-7:30pm, iżda sbieħ it-Tnejn, il-pulizija ddeċidiet li tagħti s-salt u tidħol għar-raġel wara li dan baqa’ ma kkopera xejn. Fil-fatt kienu ftit qabel is-2am li l-pulizija dehret tidħol fid-dar wara li għamlet ħin twil tiċċirkonda l-binja.
Mal-wasla tagħhom, il-Pulizija ħabtu fuq il-bieb, bis-suspettat jiftaħ u jxejjer sikkina mdaqqsa. Wara kkarga senter u ppontaha fid-direzzjoni tal-pulizija u hedded li se jispara fuqhom u kien għalekk li ntalbet aktar assistenza.
Nifhmu li fil-ħin twil ta’ negozjati mas-Serb, il-pulizija użat il-ħin biex tistudja s-sitwazzjoni u b’hekk tkun tista’ tikkontrolla s-sitwazzjoni f’qasir żmien mingħajr wisq periklu. Ir-raġel deher jimxi fid-dar u anke fil-bitħa armat b’pistola kkargata. Fid-dar kien hemm ukoll tlett iklieb li setgħu kienu perikolużi.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, il-pulizija tal-SIU tefgħu flashbangs lejn id-dar tas-Serb biex b’hekk huwa kien diżorjentat u saret iżjed faċli għall-pulizija li tarresta lir-raġel li kien armat.
F’dan il-mument, wieħed mill-klieb attakka lill-pulizija, li kienu kostretti jisparaw żewġ tiri li laqtu lill-kelb. Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li kienu fuq il-post, ħadu mill-ewwel il-kelb l-isptar tal-annimali biex jiddewwa.
Ftit tal-ħin wara r-raġel ġie arrestat u ttieħed lejn id-Depot għal iżjed stħarriġ. Informazzjoni oħra li għandu ONE News tgħid li fid-dar nstabu ħafna armi.
Għal xi ħin fuq il-post deher il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Dwar dan il-każ qiegħda ssir inkjesta mill-Maġistrat Dr Neville Camilleri LL.D.
L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema.
https://www.one.com.mt/2020/11/02/bil-filmat-ragel-armat-jhedded-bsenter-u-ssakkar-fdahru-fl-imsida12/