Christopher Guest More ta’ 41 sena mir-Renju Unit inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti sabiex jinbdew proċeduri ta’ estradizzjoni b’rabta ma’ qtil brutali f’pajjiżu li seħħ 16-il sena ilu.
Fil-Qorti huwa kkontesta ismu u qal li jismu Andrew Lamb.
Huwa ppreżenta ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu u qal li għandu 44 sena u joqgħod is-Swieqi. Għall-mistoqsija tal-Qorti huwa wieġeb li ma jafx jekk ommu u missieru għadhomx ħajjin.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Mark Galea mit-taqsima tar-relazzjonijiet internazzjonali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qal lill-arrest seħħ abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara ordni tal-Qorti Ingliża f’Mejju 2004. Hu kien mfittex mill-awtoritajiet Ingliżi sabiex jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ omiċidju li seħħ f’Chesire l-Ingilterra fl-2003. Il-vittma kien Brian Waters li inqatel brutalment quddiem uliedu, li ġew sfurzati jaraw lil missierhom imut quddiemhom.
L-Ispettur Galea qal li r-raġel kien qed juża dokumenti ta’ ħaddieħor f’qagħda vulnerabbli, bl-isem ta’ Andrew Lamb. Filfatt waqt l-arrest huwa preżenta dokumenti jippretendi li hu xi ħaddieħor.
Spjega li f’dan l-istadju kellhom jiġu elevati numru ta’ marki tas-swaba’. Dawn il-marki tas-swaba’ ntbagħtu mill-Awtoritajiet Ingliżi li mbagħad ġew imqabbla ma’ tal-imputat.
L-Ispettur spjega wkoll li d-dokument li kellhu More fuqu kien jappartjeni lil persuna li fil-preżent qiegħda fir-Renju Unit. Huwa qal kif uffiċjali Ingliżi li kienu involuti f’investigazzjonijiet tal-omiċidju 16-il sena ilu kkonfermaw ukoll lill-bniedem arrestat hu l-istess wieħed li kien involut.
F’xhieda oħra mill-Ispettur Gabriel Micallef li kien involut fl-arrest tal-persuna, qal kif tul il-kors tal-investigazzjonijiet raw ritratt ta’ persuna tixbah lil dak imfittex, iżda li ismu kien differenti.
Spjega wkoll lill-arrest seħħ nhar is-6 ta’ Ġunju filgħaxija, fejn l-Ispettur Micallef għajjat lill-imputat bl-isem oriġinali dak ta’ ‘Christopher Guest More’. Qal kif għal bidu More, ma ridtx jagħti l-kunsens biex jitteħdulu l-marki tas-swaba’, imma eventwalment kellu jagħti l-marka tas-swaba’ wara ordni mill-Maġistrat tal-Għassa.
Xehdet ukoll il-Kuntistabbli Edith Borg li ħadet il-marki tas-swaba’ minn fuq l-imputat, li kkonfermat li dawk preżentati huma dawk elevati mis-swaba’ tal-imputat.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi oġġezzjonat għal fatt li l-persuna nominata mill-Qorti biex televa u tikkumpara l-marki tas-swaba’ hi membru tal-Korp tal-Pulizija, u mhux espert imparzjali.
Hawnhekk l-Ispettur Mark Galea kkonferma wkoll lill-marki tas-swaba’ elevati minn fuq l-imputat huma dawk li ntbagħtu mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.
Iktar tard l-identità tal-imputat ġiet ikkonfermata, bil-Maġistrat Josette Demicoli tordna sabiex More jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati George Camilleri u Ylenia Abela mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-każ b’rabta mal-proċeduri ta’ estradizzjoni ser ikompli jinstema’ nhar it-Tnejn li ġej.
http://www.one.com.mt/2019/06/07/persuna-li-affaccjat-mandat-ta-arrest-ewropew-tigi-arrestata-fmalta/