L-Awtorità tax-Xandir sabet lir-radju tal-Knisja, 103 FM, ħati li f’żewġ każijiet kiser id-Direttiva maħruġa mill-istess Awtorità matul jum tal-elezzjoni, fis-26 ta’ Marzu.
Dan il-ksur sar meta, waqt programm, ixxandar kumment tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech meta ħareġ mill-post tal-votazzjoni u xxandru wkoll kummenti politiċi waqt kollegamenti fil-programm.
L-editur tal-istazzjon tal-Knisja ammetta li l-istazzjon żbalja u qal li l-kumment ta’ Bernard Grech tħalla joħroġ bi żvista u minħabba diffikultajiet tal-istazzjon.
L-avukat Stefano Filletti, li deher bħala l-konsulent legali għall-istazzjon tal-Knisja, qal li l-kummenti politiċi li minħabba fihom ir-radju ġie akkużat bi ksur tad-direttiva ma kinux kummenti ta’ propoganda jew avviżi oħra dwar kif persuna tista’ tivvota.
Wara li semgħet lill-partijiet, l-Awtorità tax-Xandir sabet lill-istazzjon ħati li kiser id-Direttiva inkwistjoni u, għaldaqstant, immultat lill-istazzjon erbat elef, sitt mija u sittin ewro. Din il-multa ġiet sospiża għal tliet snin.