Il-Komunità Rabtija ingħaqdet f’vuċi waħda kontra l-iżvilupp propost f’Tas-Saqqaja u Vjal Santu Wistin, ir-Rabat.
Dan wara li fl-aħħar ġimgħat, għand l-Awtorità tal-Ipjannar daħħlet applikazzjoni biex binja storika tinbidel f’lukanda.
Fl-applikazzjoni qiegħed jiġu proposti alterazzjonijiet interni u żewġ sulari addizjonali. Dan sabiex minn żewġ sulari, il-lukanda titla’ għal erba’ sulari.
Is-Sibt filgħodu ġiet organizzata laqgħa, li fiha bosta Rabtin urew id-disaprovazzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp li jista jkollu impatt fuq il-komunita Rabtija.
Il-laqgħa tmexxiet mill-eks Sindku Laburista Sandro Craus u mill-Kunsillier Nazzjonalista Rudolf Grima li t-tnejn qalu li dan l-iżvilupp jistona mal-karattru u l-wirt storiku Rabti.
Waqt il-laqgħa ipparteċipaw ukoll il-Moviment Graffiti, b’Andre Callus qal li dan l-iżvilupp jista jiftaħ il-bibien tiegħu għal żvilupp ieħor.
Dawk li jixtiequ joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp jistgħu jagħmlu dan fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ipjannar sa nhar il-Ġimgħa li ġej.