Fir-Rabat ġie inawgurat proġett ta’ tħaddir fi Triq Santa Rita, bl-għajnuna tal-iskema ‘Urban Greening’. Dan il-proġett hu wieħed mid-diversi proġetti intiżi biex iħaddru żoni urbani fil-qalba ta’ diversi lokalitajiet.
Fil-fatt, permezz tal-istess skema, għadd ta’ kunsilli qed iwettqu proġetti ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni, bl-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Il-proġett tar-Rabat hu wieħed fost dawk il-proġetti li kkwalifikaw għal din l-iskema, bil-Gvern ikopri 85% tal-ispiża biex tissebbaħ żona li hi waħda mill-aktar kummerċjali u attivi fir-Rabat.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tas-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus.
F’din il-konferenza ntqal kif il-proġett tar-Rabat kien maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel sar ix-xogħol ta’ tisbiħ bi tħawwil ta’ aktar siġar u arbuxelli, l-installazzjoni ta’ green u wall u ħolqien ta’ roof garden, waqt li l-fażi l-oħra kienet tikkonsisti f’infrastruttura ħadra tul Triq Santa Rita bl-installazzjoni ta’ ħwat u interventi fuq is-substation u l-latrina pubblika.
Il-Ministru Dalli qalet li t-twettiq ta’ dawn il-proġetti qed iwasslu għal komunitajiet isbaħ u aktar ħodor.
Fil-fatt dan il-proġett u din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tar-Rabat gawdiet minn inizjattiva ta’ finanzjament li għamilna bħala Ambjent Malta, magħrufa bħala Urban Greening, fejn rajna li ngħinu lokalitajiet biex isebbħu u jagħmluhom b’mod naturali iżjed sbieħ. Fil-fatt il-Kunsill Lokali tar-Rabat bidel il-wiċċ urban tiegħu.
Il-Ministru Miriam Dalli
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill tar-Rabat li għaraf il-bżonn li jsebbaħ żona urbana fil-lokalità.
Permezz ta’ dan il-proġett, il-Kunsill Lokali tar-Rabat qed jgħin biex żona urbana bidilha fi spazju aħdar ħalli jikontribwixxi għall-estetika tal-lokalità u għac-cittadini. Fil-fatt il-Kunsill għamel użu minn fondi addizzjonali biex itejjeb il-kwalità taċ-ċittadini.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat qal kif, fit-twettiq ta’ dan il-proġett, il-Kunsill ried jara li dan l-investiment jibqa’ jiġi mantnut, filwaqt li d-Direttur ta’ Ambjent Malta, Josianne Muscat, qalet li dan il-proġett jagħmel parti minn katina ta’ interventi oħrajn, li qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli.