Il-Malti jgħid li nhar l-Imnarja l-bajd itir fl-ajru iżda bejn il-fliegu se jbaħħar mill-ġdid in-Nikolaos.
Dan hekk kif fid-29 ta’ Ġunju, ir-raba’ vapur tal-Gozo Chanel, l-MV Nikolaos, se jerġa’ jiddaħħal fis-servizz, bil-għan li jkompli jingħata l-aħjar servizz ta’ konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Dan il-vapur waqaf jopera temporanjament fis-27 t’April li għadda, wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Gozo Channel u s-sidien tal-vapur Grieg biex jieqaf jopera b’mod temporanju minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.
Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina spjega li għal dan il-perjodu, l-iskeda kienet u qed tkun operata bit-tliet vapuri fil-flotta tagħha.
Huwa qal: “Bħalissa l-MV Nikolaus qiegħed il-Greċja għaliex aħna konna fthemna mas-sidien minħabba li x-xogħol kien naqas, fthemna magħhom li nissospendu l-kuntratt għal sittin ġurnata, u dawn is-sittin ġurnata jgħaddu dalwaqt.”
Is-Sur Cordina spjega li l-aħħar tmiem il-ġimgħa wera żieda sostanzjali fin-numru ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu, u għaldaqstant inħass il-bżonn biex jerġa’ jibda jopera r-raba’ vapur ħalli tintlaħaq id-domanda.
Huwa kompla jgħid: “Aħna qegħdin nikkalkulaw li x-xogħol se jkompli jiżdied, bħalissa l-kumpanija qiegħda taħdem bi tliet vapuri u man-numri li hemm bħalissa qegħdin inlaħħqu bil-vapuri li għandna però ovvjament jekk ix-xogħol jibqa’ jiżdied aħna jkollna bżonn ir-raba’ vapur li jiġi introdott fil-ġimgħat li ġejjin.”