Matul is-sena li għaddiet kienu qrib is-sitt miljun passiġġier li qasmu l-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer.
Statistika li ħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika titfa’ dawl fuq iċ-ċifri sinifikanti tat-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex.
Fil-fatt fuq medda ta’ sena, in-numru ta’ passiġġieri li qasmu bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer kien kważi mija u sittin elf aktar mill-2018.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li kien hemm mija u tlieta u għoxrin elf vettura aktar li qasmet il-fliegu meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Fil-fatt matul l-2019 kienu qrib il-miljun u tmien mitt elf vettura li qasmet bil-baħar.
Quddiem dawn iċ-ċifri, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-kumpanija Gozo Channel, Joe Cordina semma fattur ewlieni li għen fiż-żieda impressjonanti fl-ammont ta’ vjaġġi li saru bejn Malta u Għawdex.
Is-Sur Cordina spjega: “Matul l-2019 bl-introduzzjoni tar-raba’ vapur qegħdin naħdmu b’ħafna iktar kumdità u fil-fatt it-trips fis-sitt xhur li ħadem ir-raba’ vapur żdiedu b’erba’ t’elef, jiġifieri elfejn return trips.”
Huwa saħaq li għal din is-sena li qegħdin fiha għandna għalxiex inħarsu ‘l quddiem, għax issa l-Gozo Channel mistennija topera b’erba’ vapuri tul is-sena kollha.
Is-Sur Cordina tenna: “Din is-sena, ovvjament in-numru ta’ trips se jkompli jiżdied peress li ħa nkunu qegħdin naħdmu b’erba’ vapuri tul is-sena kollha u qegħdin inħarsu ‘l quddiem illi din is-sena tkun sena oħra ta’ suċċess.”
Intant l-iktar xhur li raw żidiet qawwija fin-numru ta’ passiġġieri fuq ix-xhur tas-sena ta’ qabel kienu Ottubru, Marzu u Awwissu.