It-tim nazzjonali Malti tal-futsal tilef ir-raba’ partita mir-round ewlieni tal-kampjonat Ewropew 2026 meta fil-Padiljun tal-Universita’ huma ġew megħluba mill-Italja 5-1.
L-Italja mal-ewwel urew l-intenzjonijiet ċari u marru minn fuq permezz ta’ Julio de Oliveira b’xutt fil-baxx. Il-Maltin wettqu reazzjoni u kellhom xuttijiet ta’ Michael Borg u Maicon li sabu lill-goalkeeper Dalcin attent. U dan kien il-preludju għall-gowl Malti li ġie skorjat miż-żagħżugħ Collin Sammut li wara li rċieva mingħand Maicon ra l-ewwel xutt tiegħu milqugħ minn Dalcin sabiex mir-rebound l-istess plejer xeħet ġewwa.
Il-Maltin iddeċidew li joħorġu bil-flying keeper u dan ippermetta lit-Taljani jieħdu vantaġġ sabiex jiskorjaw it-tieni gowl permezz ta’ Gabriel Motta. Fl-aħħar sekondi qabel tmiem l-ewwel Murilo Schiochet għamilhom 3-1.
Fit-tieni taqsima, it-Taljani baqgħu konsistenti u skorjaw ir-raba’ gowl meta wara azzjoni ta’ freekick, ballun jaħbat mal-lasta sabiex mir-rebound ikun Gabriel Motta li b’hekk skorja doppjetta personali. Maicon ipprova jnaqqas il-marġni tal-iskor 12-il minuta minn tmiem iżda t-tentattiv tiegħu ġie milqugħ mill-goalkeeper Dalcin. Disa’ minuti mit-tmiem, l-Italja viċin li jiskorjaw il-ħames gowl iżda x-xutt ta’ Merlim ħabat mal-mimduda. Żewġ minuti wara, tentattiv ta’ Giancarlo Sammut għadda għoli.
L-Italja ssiġġillaw ir-rebħa lejn l-aħħar wara li Italo Rossetti llobbja tajjeb minn fuq Clitn Mifsud għal ġewwa.
It-tim nazzjonali Malti issa jmissu jilgħab kontra l-Finlandja barra minn daru fl-10 t’April li ġej.