Għall-ewwel darba ir-raba’ tal-Gvern se jkun jista’ jiġi ttrasferit minn bidwi ġenwin għal ieħor.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Ian Borg qal li qatt ma kien hemm kuraġġ u determinazzjoni li jseħħ dan il-pass. L-avviż legali ppublikat mill-Gvern se jiddefinixxi xinhu bidwi ġenwin. Ir-raba’ li se jkun jista’ jiġi ttrasferit irid ikun jew jgħajjat lill-Awtorità tal-Artijiet jew tal-Uffiċċju konġunt.
B’hekk se titnaqqas il-problema li art titħalla mhux maħduma meta il-qbiela jirtiraw jew imutu u bdiewa oħra se jkunu jistgħu jakkwistaw biċċa art agrikola oħra ħalli tittaffa l-problema ta’ fragmentazzjoni tal-art.
Artijiet li jinkludu rziezet jew binjiet ikbar minn 40 metru kwadru mhux se jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera fejn qal li din il-liġi saret għax inħass il-bżonn ta spinta lill-biedja.
Huwa kkwota studju mis-Segretarjat Parlamentari għall-biedja fejn irriżulta li porzjon kbir ta’ raba’ mhux qed tinħadem għax tant iffragmentat li ma baqatx vijabbli li tinħadem.
Irriżulta wkoll li persentaġġ kbir tar-raba’ Maltija tappartjeni lill-Gvern u lil maġġoranza tal-bdiewa qbiela, jiġifieri jaħdmu l-art tal-Gvern.
Huwa kkritika il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u saħaq li din tindika li l-Oppożizzjoni ma femitx il-leġislazzjoni proposta.
Qal li l-Oppożizzjoni permezz tat-talba tagħha li jitħalla trasferiment ta’ art bi strutturi ta’ ikbar minn 40 metru kwadru qed tippromwovi u tħalli l-bieb miftuħ għall-ispekulazzjoni.