L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, l-EWA, għadha kemm fetħet ir-raba’ sejħa tal-iskema għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fl-enerġija u l-ilma, li s’issa diġà rat investiment ta’ €1.6 miljun fuq tlettax-il proġett minn meta ġiet introdotta tliet snin ilu.
Waqt il-preżentazzjoni tal-benefiċċjarji għal proġetti li bbenefikaw mis-sejħa tal-2022, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, irrimarkat li proġetti ta’ riċerka fl-ilma u l-enerġija huma importanti għall-miri ta’ Malta sostenibbli.
Hi qalet li proġetti bħal dawn, li l-EWA qed tappoġġja permezz ta’ din l-iskema, jistgħu jagħtuna soluzzjonijiet tanġibbli li jgħinuna nilħqu l-għanijiet tagħna fit-tul, filwaqt li nindirizzaw l-isfidi tal-lum u tal-futur.
“Ir-riċerka u l-innovazzjoni hu settur mill-aktar importanti għalina. B’mod partikolari meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar dawk is-setturi fejn ikunu qegħdin isiru bidliet mgħaġġla u fejn hemm bżonn soluzzjonijiet innovattivi bħalma hu s-settur tal-enerġija rinnovabbli u allura hu ta’ sodisfazzjon li nara żewġ proġetti li nemmen li kapaċi anke jiġu kummerċjalizzati li qegħdin jingħataw sostenn finanzjarju mill-aġenzija bħalma hi l-Energy & Water Agency.”
Is-sejħa għall-proġetti tal-2023 se żżomm l-istruttura introdotta fl-2022, filwaqt li se tintroduċi rekwiżit ġdid. Il-proġett se jiġi estiż għal 36 xahar mill-24 preċedenti. Dan se jagħti lir-riċerkaturi aktar ħin biex itejbu l-prototipi u jilħqu standards ogħla fl-industrija.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar din l-iskema fuq is-sit elettroniku tal-aġenzija; energywateragency.gov.mt