Sirens akkwistaw tlett punti oħra meta f’logħba movimentata huma għelbu lil Marsaxlokk 3 – 2.
Sirens dehru aħjar fl-ewwel ħinijiet tal-logħba u marru fil-vantaġġ wara 10 minuti meta Jacob Walker skorja mill-qrib wara li xutt ta’ Kei Sano ġie mblukkat mid-difiza Xlukkajra.
Sirens baqgħu xi ftit aħjar biex fit-32 minuta huma rduppjaw permezz ta’ azzjoni tajba bejn Kei Sano u Rei Tachikawa b’dan ta’ l-aħħar jispara l-ballun fix-xibka.
Kien wara dan it-tieni gowl li rajna lil Marsaxlokk iqumu aktar fuq taghhom biex fil-41 minuta Daniel Agius ħasad lill-gowler Matthew Grech b’xutt minn qagħda angolata.
Żewg minuti wara Sirens ħadu daqqa ta’ harta meta kellhom lil Sean Cipriott muri karta ħamra diretta għal daħla xejn kumplimentuża fuq Santiago Moracci.
B’plejer aktar, Marsaxlokk saħansitra kisbu l-gowl tad-draw fil-ħin miżjud qabel intemmet l-ewwel taqsima meta minn korner mogħti minn Daniel Agius, kien Peter Xuereb li mill-qrib tefa’ l-ballun fix-xibka.
Marsaxlokk komplew jagħfsu aktar grazzi għall-vantaġġ numeriku imma sabuha ferm diffiċli jippenetraw lid-difiża avversarja.
Infatti kienu Sirens li ħolqu azzjonijiet aktar perikolużi. Fil-65 minuta Kei Sano ħarab lid-difiża Xlukkajra imma ġie mċaħħad b’intervent tajjeb tal-gowler Drobnjak.
Iżda fit-83 minuta kien l-istess Kei Sano li ħoloq l-azzjoni li wasslet għall-gowl tal-vantaġġ għas-Sirens. Huwa avvanza fuq il-lemin qabel xeħet kross tajjeb għan-nofs u Jacob Walker għeleb lil Drobnjak bir-ras mill-qrib.
Marsaxlokk ġew imċahhda mill-gowl tad-draw minuta mit-tmiem meta l-gowler Grech imblokka xutt bomba ta’ Peter Paul Sammut.
Referee: Daniel Portelli
Player tal-Loghba: Kei Sano (Sirens)