“L-għan ta’ dan il-premju huwa li jirrikonoxxi, jippromwovi u jippremja n-negozji b’mod partikolari intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju għall-isforzi tagħhom biex jibdlu l-prattiċi tagħhom bil-għan li tiżdied is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali” – Il-Ministru Cardona
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona nieda r-raba’ edizzjoni tas-Sustainable Enterprise Award.
Il-Ministru Cardona spjega li l-intrapriżi sostenibbli huma dawk li jiżguraw li riżorsi umani, finanzjarji, u naturali jiġu kkombinati b’mod ġust u effiċjenti sabiex jintlaħaq titjib fl-innovazzjoni u l-produttività.
Il-ministru qal li intrapriża sostenibbli hi kumpanija li tapplika prattiċi sostenibbli matul l-attività kollha tagħha, mid-disinn u l-iżvilupp tal-prodotti, servizzi, proċessi tax-xogħol, u post tax-xogħol sal-proċessi maniġerjali.
L-intrapriżi li jkunu implimentaw proġett, jew li matul l-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom ġew applikati prattiċi sostenibbli, jew li fil-proċess tal-ħidma ta’ kuljum japplikaw proċessi li huma sostenibbli, huma eliġibbli li japplikaw għal dan il-premju. Board ta’ evalwazzjoni ġie mwaqqaf biex jevalwa l-applikazzjonijiet u jippremja l-ewwel tliet intrapriżi bi premju monetarju kif ukoll trofew.
L-applikazzjoniijet ser jintlaqgħu sat-30 ta’ Ġunju 2018, u fit-3 ta’ Mejju se ssir sessjoni ta’ informazzjoni għall-intrapriżi interessati li japplikaw. Kull min hu interessat għandu jirreġistra billi jċempel fuq 2220 9823 jew jibgħat e-mail fuq enterprisepolicy.meib.gov.mt. L-istess kuntatti ser iservu bħala helpline għal kull mistoqsija jew gwida.