Din is-sena, il-konferenza nazzjonali bl-isem ta’ ‘L-Istat tan-Nazzjon’ se ssir nhar il-Ħamis, 20 ta’ Ġunju, fil-Palazz Verdala. Din hi r-raba’ sena konsekuttiva li qed issir din il-konferenza, u l-ewwel waħda taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena, ġie spjegat kif, bħall-edizzjonijiet preċedenti, se jkun ippreżentat stħarriġ xjentifiku mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà, dwar kif qed tevolvi l-identità Maltija u x’aspetti jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tan-nies.
Fil-fatt, l-istatistiku spjega kif se jkun interessanti l-fatt li din is-sena, l-istudju qed isir f’kampanja elettorali.
Il-poplu min jinfluwenzah? Fil-fatt nidħlu fuq diversi aspetti, jekk hux reliġjon, familja li tgħix magħha, politika wkoll. Allura b’hekk din is-sena hi interessanti, għax kellna surveys li saru qabel elezzjoni, wara elezzjoni, waqt pandemija, wara pandemija, issa waqt elezzjoni. Kif jista’ jaffettwa dan, jekk jaffettwa?
L-istatistiku Vincent Marmarà
Fl-aħħar tliet snin, fost l-aspetti li ħarġu minn dawn l-istudji kien hemm l-importanza tal-familja, il-fatt li l-flus ma jagħmlux lil dak li jkun kuntent, il-festi bħala l-aktar element importanti tal-kultura Maltija u li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, iż-żgħażagħ iżjed qed jitilfu l-fiduċja fir-reliġjon.
Il-President Spiteri Debono tkellmet dwar l-iskop tal-konferenza, li toħloq dibattitu informattiv biex minnu joħroġ tagħrif li jsejjes id-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell nazzjonali.
Staqsejna lill-Eċċellenza Tagħha x’qegħda tistenna mill-edizzjoni ta’ din is-sena.
Informazzjoni dwar x’qed iħasseb lill-poplu tagħna, x’qiegħed jinkwetah, imma wkoll affarijiet oħrajn li, tista’ tgħid, qed jiżviluppaw il-karattru tagħna ta’ nazzjon, u dan għax min ikun qed jipproponi li jmexxi l-pajjiż irid jirrifletti x-xewqat, l-aspirazzjonijiet u anke t-tħassib tal-poplu.
Il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono
Fost il-kelliema f’din il-konferenza nazzjonali, se jkun hemm ukoll il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.