Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet ir-raba’ edizzjoni tal-kunċert Stage and Proms on the Sea. Il-Ministru Caruana qalet li dan il-kunċert, li issa stabilixxa ruħu fil-kalendarju kulturali, qed jitwassal lill-pubbliku grazzi wkoll għall-inizjattiva li ħa l-istess ministeru bl-introduzzjoni tal-NGO Assistance Scheme. Fil-fatt, il-Gozo Youth Wind Band, li ser ittella’ dan il-kunċert, kienet waħda mill-għaqdiet volontarji li bbenefikat minn din l-iskema.Il-Ministru għal Għawdex qalet li kull ma jmur iż-żona tal-Imġarr qed tingħata aktar ħajja u tiżżewwaq b’attivitajiet li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Il-Ministru Caruana qalet li l-ministeru sema’ u ta widen għall-ilmenti u suġġerimenti tal-komunità kummerċjali fl-Imġarr. Hi żiedet tgħid li l-attivitajet kulturali varji li qed jiġu organizzati mill-ministeru qed jintlaqgħu tajjeb u dan ikompli jimlina bl-entużjażmu u enerġija biex aktar avvenimenti jiġu introdotti fl-Imġarr.
Min-naħa tiegħu, Mro Dr Joseph Grech, direttur artistiku tal-Gozo Youth Wind Band, ta dettalji dwar dan il-kunċert. Hu qal li din l-edizzjoni se tinkludi siltiet mużikali minn showsli jittellgħu fil-West End ta’ Londra. Kull min jattendi se jkun jista’ jgawdi siltiet u medleysminn musicals popolari u magħrufa, kif ukoll encores klassiċi li jsiru fil-Proms Final Night.
Dan il-kunċert mill-Gozo Youth Wind Band ser issir nhar it-Tnejn, 10 ta’ Settembru 2018, fit 8.30pm fl-Imġarr Marina, Għawdex.