Il-ġurnalista tal-midja Nazzjonalista, James Aaron Ellul, inħatar Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dan ħabbru l-PN fi stqarrija dalgħodu.
Ellul huwa r-raba’ Direttur tal-Komunikazzjoni minn mindu Bernard Grech tpoġġa mill-establishment Nazzjonalista fis-siġġu ta’ Kap tal-PN wara t-tkeccija, minn Kap, ta’ Adrian Delia mill-istess establishment.
L-ewwel Diretur tal-Komunikazzjoni li telaq, meta Grech sar Kap, kien Jesmar Baldacchino, li kien inħatar Direttur tal-Komunikazzjoni meta Delia kien Kap.
Warajh inħatar Alessandro Farrugia, li kien wieħed mill-ewlenin fil-kampanja biex Grech sar Kap tal-PN. Farrugia telaq ukoll, u ftit tax-xhur ilu kiteb artiklu fit-Times of Malta li fih kien kritiku sew tat-tmexxija ta’ Grech. Dakinhar qal li n-nies fil-PN jitilqu meta ma jaraw l-ebda tama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar.
Wara Farrugia nħatar Direttur tal-Komunikazzjoni tal-PN il-ġurnalist Simon Vella Gregory. Wara perjodu qasir f’din il-kariga, Vella Gregory telaq ukoll.
Meta rriżenja Simon Vella Gregory, kien intqal li s-suċċessur tiegħu kien se jitħabbar f’Diċembru li għadda, iżda kellhom jgħaddu mal-erba’ xhur oħra wara Diċembru biex Bernard Grech irnexxielu jsib lil xi ħadd ieħor għal din il-kariga.