F’ġimgħa fejn żewġ spins tal-Partit Nazzjonalista ma ħadmux għaliex ġew imgiddba, nies fid-Dar Ċentrali qed jippuntaw is-swaba’ lejn Chris Peregin, li ġie ingaġġat b’pakkett ta’ eluf ta’ ewro biex imexxi l-istrateġija politika f’tal-Pietà għal Kap Bernard Grech.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali qalulna li nies li ilhom jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista nnutaw li Peregin mhux qed ikun il-pedina importanti li tant neffħuh ċertu nies ta’ Bernard Grech.
Wara li Jason Azzopardi nfexx jattakka lil Gvern u jgħid li dan naqas jippubblika xi paġni fir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, it-tliet imħallfin fuq il-bord tal-inkjesta ħarġu stqarrija fejn iċċaraw li bi żvista l-bord naqas jippubblika tliet paġni u għalhekk qed jagħmel dan issa.
Aktar qabel, spin ieħor ta’ Bernard Grech ma ħadimx, bis-sorsi tagħna fl-istamperija qalulna li dan kien immuntat minn Peregin innifsu, dak li anki deher f’ras il-mejda f’laqgħa bejn il-Kap u l-għaqda Repubblika.
Fil-fatt il-partit ta’ Bernard Grech imbotta u qal kemm felaħ fuq l-allegat tkeċċija tal-preżentatur Mark Laurence Zammit mix-xandir nazzjonali, tant li fl-intervista tal-Ħadd li għadda, il-Kap uża l-ħin biex jitkellem fuq hekk.
Dan wara li l-Lovin Malta, is-sit li kien imexxi Chris Peregin, illum strateġista ta’ Bernard Grech, irrapporta l-ewwel, l-istorja ta’ Zammit.
Saħansitra Peregin fuq il-profil tiegħu fuq facebook mar jiġri jimbotta l-ispin li qabbad lil Kap jagħmel iżda sa erbgħa u għoxrin siegħa wara, il-kumpanija privata li kienet tħaddem lil Zammit iċċarat li dak li ntqal kien ibbażat fuq għidut mhux verifikat.
Din qalet li mhux veru l-preżentatur tkeċċa mill-istazzjon nazzjonali u qalet li l-programm l-Erbgħa fost il-Ġimgħa, li kien jippreżenta Zammit, huwa proprjetà tagħha u tiddeċiedi hi biss min jippreżenta l-programm.
L-ingaġġ ta’ Peregin qajjem rebus wara li l-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista bdew isaqsu mistoqsijiet fuq dak li fetaħ kawża biex jagħlaq il-midja tagħhom u jtellfilhom xogħolhom.
Fil-fatt dwar dan ONE News kien irrapporta li ssejħet laqgħa urġenti mal-ħaddiema, liema aħbar qatt ma ġiet miċħuda mill-Partit Nazzjonalista.
Issa, is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li fl-isfond ta’ rapporti li Peregin ingħata pakkett ta’ ħamsa u sittin elf ewro fis-sena, dak impinġi bħala l-mibgħut mis-sema’, mhuwa xejn għajr ieħor li qed jitfa’ lura lil Bernard Grech, flok imexxih ’il quddiem.