Żewġ turisti Ġermaniżi li ġew vaganza f’pajjiżna, iddeċidew li jqattgħu ftit sigħat mal-klieb li jinsabu fis-santwarju tal-annimali tal-AAA.
Din ma kinitx l-ewwel darba li turisti jfittxu dawn is-santwarji biex jagħtu daqqa t’id lill-volontiera Maltin li jaħdmu qatigħ ta’ kuljum biex dawn il-klieb jingħataw ħajja diċenti u mimlija mħabba filwaqt li jipprovaw isibulhom dik id-dar li toffrilhom tama ġdida.
Huma bosta t-turisti, speċjalment fil-ġranet sħan tas-sajf li jmorru fis-santwarji u joħorġu l-klieb abbandunati jimxu fost oħrajn, filwaqt li hemm ukoll dawk li jixtru ikel għal dawn il-klieb bħala donazzjoni għas-santwarji.
Xi kultant nonqsu milli napprezzaw il-ħidma li jagħmlu dawn il-volontiera u ma nużawx dik is-siegħa żejda fil-ġimgħa biex intuhom daqqa t’id. Jekk għadek qed taħseb fir-reżoluzzjoni li se tagħmel din is-sena, żomm dawn il-klieb f’moħħok.