Angelito Sciberras, li ilu aktar minn tletin sena jimmilita fil-Partit Nazzjonalista huwa persuna oħra li qatta’ l-karti mal-partit immexxi minn Bernard Grech.
Sciberras kien parti mill-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM.
Saħansitra kien direttur ta’ dan l-uffiċċju tant importanti għall-Partit Nazzjonalista u kien figura li kont tarah f’kull appuntament elettorali kellu l-partit.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Angelito Sciberras wera diżappunt kbir u qal li kellu bżonn biss ftit ġimgħat biex jifhem li aktar minn tletin sena ta’ servizz jistgħu ma jkunux apprezzati u jiġu mormija.
“Tiġux tħabbtuli l-bieb”, saħaq Sciberras li nies bħalu, fosthom oħrajn tal-fazzjoni Adrian Delia qed iħossuhom mhux iżjed parti mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt kienu bosta li kkummentawlu li jifhmuh u saħansitra Anthony Delia, ħu Adrian Delia kitiblu kif ħeles miż-żibel.
Għal dan il-kumment kien hemm min appoġġja lil Anthony Delia u lil Angelito Sciberras filwaqt li oħrajn tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li issa qed jiġbdu l-ispag ta’ Bernard Grech, infexxew jattakkaw lil Sciberras u lil Delia, b’kummenti indirizzati lejn Anthony Delia, fejn waħda qaltlu li jmissu jistħi jitkellem hekk iżda Anthony Delia kien pront weġibha li qed jirreferi għal dawk li ħatfu lill-Partit Nazzjonalista u saħansitra anki fuq il-profil tiegħu fuq facebook wera s-solidarjetà ma’ Sciberras u qal li dawk li ħatfu l-partit huma bla skrupli u bla prinċipji filwaqt li akkużahom li jużaw lin-nies.
Ħaddieħor, lil Delia qallu, “Join the club ħabib!”
Malli laħaq Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’Ottubru li għadda, kienu bosta li rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista u l-partit saħansitra tilef siġġijiet f’Kunsilli fejn Kunsilliera li kienu mal-Partit Nazzjonalista rriżenjaw jew riedu jkunu indipendenti.
Fost dawn kien hemm Anthony Delia li għażel li ma jibqax Kunsillier Nazzjonalista fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.