Għalija kien qisu ibni u ħadt xokk kbir meta smajt bl-aħbar ta’ mewtu.
Kliem Fr Hilary Tagliaferro, propju ftit mumenti qabel ma libes l-alba u l-pjaneta vjola ta’ saċerdot sabiex jikkonċelebra l-quddiesa li sellmet għall-aħħar darba lil sieħbu s-Sur Tony Bezzina, il-President tat-tim tal-futbol ta’ Hibernians.
Fi sfond tad-daqq tat-trapassjoni tal-Bażilika ta’ Kristu Re, Fr Hilary semma l-marda li ħakmet lil Bezzina tul dawn l-aħħar snin.
Huwa qalilna, “Jien inqisu bħala ħija jew ibni biex ngħid hekk għax ilni nafu ħafna u ħafna snin mindu kien għadu żagħżugħ. Għalija kien xokk allavolja kienet mistennija dawn l-aħħar xhur minħabba l-marda li kellu.”
F’jum imsaħħab, Raħal Ġdid u bosta partitarji u plejers tal-Hibs, qamu sabiex isellmu għall-aħħar darba lil dak li għal aktar minn erbgħin sena kien ta’ gwida għall-klabb tal-pagun. Infatti fuq iz-zuntier tal-Knisja kien hemm evidenti s-skiet taqtgħu b’sikkina ta’ dawk li jħarsu lejn Bezzina bħala missier.
Għal Fr Hilary, li hu wiċċ sinonimu mal-kamp sportiv, Tony huwa raġel ġeneruż.
Fr Hilary sostna: “Tony ta’ kontribut kbir lir-Raħal Ġdid u lill-familja tiegħu, kien bniedem uman ħafna u kien bniedem ġentlom u ġeneruż ma’ kulħadd.”
Emozzjonat u bid-dmugħ f’għajnejh Fr Hilary qal li Bezzina miet bil-Madonna mgħannqa miegħu u semma li dan ir-raġel se jħalli warajh legat b’saħħtu.
Fr Hilary tenna: “Mhux biss se jħalli l-vojt, però se jħalli wkol legat għaliex dak li għamel hu ma jista’ jintesa qatt u lanqas jintilef għaliex l-infrastruttura li ħalla lill-Hibs se tibqa’ hemm għal ħafna snin.”