F’ferneżija biex ikun ikkontrollat l-attakk li għaddej fuq Simon Busuttil, minn ġewwa u minn barra, bejn il-Ħadd u t-Tnejn ingħatat direzzjoni lil numru ta’ kandidati w uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista biex fil-ġimgħat li ġejjin jiktbu fil-gazzetti.
Il-linja li ngħatatilhom mill-uffiċċju tad-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Matthew Bonnet, hija dik li fl-artikli tagħhom irid ikun hemm il-messaġġ li Simon Busuttil bidel il-partit. Intqal lilhom li rid jingħad li dan bidlu minkejja li ħadu wara telfa ta’ sitta u tletin elf fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Din id-direttiva ingħatat f’mument fejn ftit ġimgħat qabel jibdew il-festi tal-Indipendenza qed tiżdied il-pressjoni fuq Simon Busuttil.
Tant li fl-aħħar jiem minn pressjoni interna qed tiżdied dik esterna bl-artikli ta’ Simon Mercieca u Noel Grima fl-aħħar jiem iħallu lil dawk qrib Simon Busuttil diżappuntant għall-aħħar.
Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista, kiteb li l-Partit Nazzjonalista qed jidher iktar u iktar opportunist u l-Kap dgħajjef iktar minn qatt qabel. Saħansitra wissa kif bl-istil adottat il-Partit Nazzjonalista qed jissogra telfa kbira oħra.
Kiteb ukoll Noel Grima li qal li jidher li mhux impressjonat bil-grupp parlamentari ta’ Simon Busuttil. Filwaqt li ta elenku ta’ nuqqasijiet oħra Grima kiteb li “l-ikbar diżappunt hu Simon Busuttil innifsu”.