L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika t-Termini ta’ Referenza tal-Inkjesta Amministrattiva li ħatar il-Prim Ministru Robert Abela b’rabta mal-każ tat-tiġrif ta’ binja f’Kordin, li fiha miet Jean Paul Sofia.
B’hekk il-Prim Ministru żamm mal-impenn li ta pubblikament, li jippubblika dawn it-termini.
It-Termini ta’ Referenza għall-Bord ta’ Inkjesta, li se jkun immexxi mill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar, hemm imniżżla numru ta’ punti biex tkun magħrufa l-verità kollha u ssir ġustizzja fit-totalità tagħha mal-akkadut.
It-Termini ta’ Referenza jgħidu ċar, pereżempju, li għandha tkun mistħarrġa jekk l-allokazzjoni tal-art minn entitajiet tal-Gvern saritx skont il-liġi.
Jissemma wkoll li għandu jkun investigat jekk hemmx rabta bejn l-allokazzjoni tal-art, it-tiġrif tal-binja u l-konsegwenzi tagħha.
Il-Bord ta’ Inkjesta ntalab ukoll jinvestiga jekk l-Istat kellux fis-seħħ regolamenti u assigurax l-inforzar tagħhom biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
It-Termini ta’ Referenza jsemmu wkoll l-istħarriġ ta’ jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet u policies xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
Dan apparti li l-Inkjesta għandha tressaq rakkomandazzjonijiet biex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.
Fi spjega lill-ġurnalisti, li taw il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, intqal li l-Inkjesta ntalbet ukoll li titmexxa b’tali mod li ma tfixkilx u ma tippreġudikax investigazzjonijiet oħrajn, bħal prosekuzzjoni kriminali, li għaddejja kontra ħames persuni mressqa fuq ikkaġunar ta’ mewt involontarju ta’ Jean Paul Sofia.
It-terminu tal-inkjesta se jkun ta’ ħames xhur u f’każ li jestendi, il-Bord irid jinforma lill-Prim Ministru.
Sena wara r-rapport jitqiegħed anke fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti u l-Gvern se jkun marbut jiddibatti r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Bord.
Kien il-Prim Ministru Robert Abela li meta ħabbar il-ħatra tal-Inkjesta kien spjega prinċipji ċari biex issir ġustizzja fit-totalità tagħha.
Dan qalu f’att ta’ trasparenza assoluta, skrutinju b’saħħtu u tisħiħ ta’ sistemi.
“Jekk hawn mingħalih li jien b’xi mod, se niddefendi lil min irid jaqla’ l-flus askapitu tas-saħħa jew ta’ ħajjet il-ħaddiem se jgħarralu bil-kbir u sejjer żball. Il-ġustizzja mhux biss trid issir, trid tidher ukoll li trid issir u nfakkar ukoll li ‘justice delayed is justice denied.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru kien ippubblika wkoll ir-rapport tal-Maġistrat Marseanne Farrugia wara li din ikkonkludiet l-inkjesta maġisterjali fil-każ, tmien xhur wara li seħħ l-inċident.
Fl-ispjega lill-ġurnalisti, il-Ministri Attard u Zrinzo Azzopardi spjegaw kif il-familja ta’ Sofia kienet involuta fil-proċess tat-tfassil tat-Termini ta’ Referenza u se jkollha rwol parteċipattiv fl-inkjesta amminsitrattiva.
F’att ieħor ta’ trasparenza sħiħa, il-Gvern ippubblika r-rispons tal-familja Sofia dwar it-Termini ta’ Referenza fejn hemm konverġenza b’saħħitha bejn dak imqajjem mill-familja u t-Termini ta’ Referenza kif ippreżentati mill-Gvern.