L-allegat aggressur fil-qtil ta’ Nicolette Ghirxi, li nqatlet kiesaħ u biered fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn, l-Irlandiż Edward William Johnston jirriżulta li kien qed juża diversi profili foloz fuq il-midja soċjali biex jiffastidja lill-mara wara li ntemmet ir-relazzjoni ta’ sentejn li kellhom.
Matul il-jum bdew joħorġu dettalji dwar l-Irlandiż, li spiċċa wkoll biex jinqatel hu stess mill-Pulizija bi tliet tiri wara li għal tliet sigħat sħaħ baqa’ ma kkollaborax magħhom, waqt li fil-pussess tiegħu kellu dik li dehret bħala arma tan-nar li beda jheddidhom biha. Arma li, wara, irriżultat li kienet finta.
Fil-fatt, siti lokali żvelaw kif Johnston kellu diversi siti soċjali differenti b’ismijiet differenti, fosthom “Ricardo Raspini” u “Lisa Campo”, bil-għan primarju jkun li jattakka lill-eks sieħba tiegħu.
Fuq dawn il-profili differenti, l-allegat aggressur għamel akkużi koroh fuq il-vittma, fejn saħansitra pprova jkeċċiha mill-impjieg tagħha mal-Bank HSBC.
Ir-ritratti użati fiż-żewġ profili kienu tal-istess vittma Maltija, waqt li dawn jingħad li tħassru fil-ġimgħa li għaddiet.
Minbarra dawn il-profili foloz, Johnston kellu wkoll profil fuq Instagram bl-isem ta’ “Edwardo Sambora”, fejn jistqarr li hu “negozjatur mal-Borża ta’ New York” u li “jgħallem in-negozji”.
Dan l-isem użah ukoll biex mexxa profil fuq YouTube, fejn ta’ spiss kien jippubblika filmati lil madwar erbat elef abbonat ta’ dan il-profil. Fl-aktar filmat riċenti tiegħu ta’ madwar tliet ġimgħat ilu, hu jfaħħar diversi individwi li suppost iddeskrivewh bħala bniedem onest, fosthom Andrew Tate, Russell Brand u Donald Trump.
Membri tal-familja, li tkellmu ma’ midja oħrajn, qalu li Ghirxi irrapportat dawn il-posts lill-Pulizija, b’referenza għar-rapport li ddaħħal mat-taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika, fejn, iżda, il-Maltija ħasset li ma kellhomx jitkomplew il-proċeduri dwarhom.
Huma sostnew ukoll li Johnston qatt ma kien vjolenti ma’ Ghirxi, imma hi kienet tħossha skomda bl-atteġġjament tiegħu.
Ir-relazzjoni tagħhom waqfet f’Diċembru li għadda, waqt li hi bdiet tirrapportah f’April. Intqal ukoll li Ghirxi ndunat li Johnston wasal Malta permezz tal-pjattaforma Tinder, fejn intqal li kien jinsab ftit kilometri ’l bogħod.
F’riċerka li għamel ONE News, jirriżulta li fl-elfejn u tnax, Johnston kien ammetta fil-Qorti li kien għamel theddida ta’ bomba falza u ġie kkundannat 28 xahar ħabs, bil-Qorti tordna s-superviżjoni tiegħu għal sena wara l-ħelsien mill-ħabs.
Sena wara, jiġifieri fl-elfejn u tlettax, ismu reġa’ tfaċċa f’każ ieħor, fejn kien intbagħat sena ħabs wara li pponta pistola finta lejn pulizija f’Liverpool.
Minkejja dan, qraba ta’ Ghirxi ma setgħux jikkonfermaw jekk din kinitx l-istess persuna.
AQRA IKTAR: