Il-Kummissjoni Elettorali informat lill-pubbliku li għadhom kemm ġew ippubblikati r-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ April.
Dan permezz ta’ stqarrija t-Tnejn filgħodu hekk kif ġie spjegat ukoll li kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun irreġistrat bħala votant u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu sa nhar is-Sibt 11 ta’ Mejju biex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.
Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali spjegat li kull votant irreġistrat li jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru, għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa jew jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħrajn rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru, jista’ wkoll jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur sal-11 ta’ Mejju.
Fil-fatt, il-Kummissjoni Elettorali spjegat li kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Dan filwaqt li kompliet tfakkar dwar l-importanza li kulħadd jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali.
Dan hekk kif, jekk dan ma jsirx, jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm ġenerali kif ukoll għall-kunsilli lokali, għall-Parlament Ewropew jew referenda.
Min jixtieq jara r-Reġistri kollha jista’ jagħmel dan fl-Uffiċċju Elettorali. Ir-Reġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi.
Minbarra hekk, wieħed jista’ jara jekk hux irreġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” jew il-buttuna “Fittex fir-Reġistri”.