Il-Ministru għall-Edukazzjoni flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika nedew il-linji gwida ġodda dwar il-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk it-tfal li se jattendu l-Kindergarten fis-sena skolastika li jmiss.
F’dawn il-linji gwidi ntqal kif id-distanza bejn l-edukaturi u t-tfal iridu jkunu ta’ żewġ metri, filwaqt bejn mejda u oħra jrid ikun hemm distanza ta’ metru u nofs.
Dwar dan is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri qal kif l-ammont massimu f’kull klassi se jvarja skont id-daqs tal-klassi, bin-numru massimu jkun ta’ ħmistax-il student fl-ewwel sena tal-Kindergarten u d-dsatax-il student fit-tieni sena tal-Kindergarten.
Huwa spjega: “L-awtorità tas-saħħa illi t-tfal ma jitpoġġewx bilqiegħda bħal klassi tal-primarja imma jistgħu jduru mal-imwejjed tondi u jistgħu jkunu fil-viċinanzi iktar minn 1.5 metri. Jiġifieri 1.5 se jintuża bħal il-kejl ta kemm jistgħu jidħlu tfal fil-klassi.”
Intqal kif tfal li għandhom aktar minn tliet snin iridu jilbsu l-maskra protettiva jew visor fil-kurituri, madwar l-iskola u fuq it-trasport tal-iskola. Dan filwaqt li fil-klassijiet tagħhom, fejn se jinżammu fl-istess grupp, m’hemmx il-bżonn sabiex jibqgħu bil-maskra tagħhom. Intqal ukoll kif dawn il-gruppi se jibqgħu l-istess tul il-ġurnata kollha.
Is-Segretarju Permanenti qal kif il-ġugarelli fil-klassijiet se jitnaddfu filgħodu qabel it-tfal jidħlu l-iskola u wara, kif tispiċċa l-iskola.
Huwa sostna: “Mhux it-toys kollha se jintużaw jistgħu jintużaw. It-toys li se jintużaw biss f’dak l-istess grupp, f’dik il-bubble f’dik il-klassi. Allura ma jistax ikollok toys li jiġu xxerjati minn klassi għall-oħra.”
Dawn il-linji gwidi jgħidu wkoll sabiex l-edukaturi u l-Learning Support Educators iridu jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu, kemm fil-klassi u anke barra.
Intant, is-Segretarju Permanenti Fabri qal kif il-Ministeru qed jaħdem sabiex fil-jiem li ġejjin joħorġu l-linji l-gwidi għall-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji u terzjarji fosthom l-Università.
Advice_And_Guidelines_to_the_Educational_Sector_For_the_Re-opening_of_Kindergartens_in_Malta (1)