F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministeru għall-Edukazzjoni ppubblika linji gwida dwar il-piż u l-ġarr tal-basktijiet tal-iskola.
Il-linji gwida li qegħdin għall-konsultazzjoni sal-aħħar ta’ April li ġej huma maqsuma fi tliet sezzjonijiet immirati għall-iskejjel, il-ġenituri u l-istudenti.
Il-linji gwida jitkellmu dwar il-ħtieġa li l-għalliema jevitaw li jqassmu materjal mehmuż f’daqqa ta’ sena sħiħa, u jagħmlu użu mit-teknoloġija diġitali.
Min-naħa tagħhom l-istudenti huma inkoraġġuti li jevitaw li jieħdu kotba magħhom l-iskola li ma jkollhomx bżonn u li jpoġġu t-tablet fil-bagalja ż-żgħira pprovduta apposta.
Il-linji gwida jagħtu wkoll pariri l-istudenti fuq kif jippakkjaw il-basket tagħhom billi jqiegħdu l-itqal oġġetti l-eqreb kemm jista’ jkun tad-dahar u ma jġorrux oġġetti mhux neċessarji.
Il-ġenituri mbagħad huma inkoraġġuti li jevitaw kaxex tal-ikel kbar u li jaraw it-timetable tat-tfal biex dawn ma jieħdux affarijiet żejda.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida intqal li riċerka li kienet saret wriet li aktar minn 70% tal-istudenti bejn it-8 u t-13-il sena kienu qegħdin jerfgħu basktijiet li jaqbeż il-piż rakkomandat b’10% tal-piż tagħhom stess.
F’dan il-kuntest id-direttur għad-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi. Raymond Camilleri stqarr li l-linji gwida ppubblikati għandhom l-intenzjoni li jkomplu jżidu aktar għarfien b’azzjonijiet konkreti: Huwa spjega: “Meta inti jkollok l-attenzjoni diretta ta’ kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-għalliema li qegħdin jindukraw lit-tfal. Dan jekk wieħed isaqsi inti llum għandek basket tqil u jekk wieħed jara li l-basket huwa manifestament tqil. Dejjem wieħed jista jsaqsi lill-istudenti u ejja naraw kif ħa nsolvu din il-problema ma jistax ikun nibqgħu sejrin qisu xejn mhu xejn.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici rrimarka li l-ħarsien tal-piż tal-basktijiet hija waħda mill-miżuri tal-baġit għal din is-sena. Huwa sostna: “L-għeżeż ħaġa li għandna hija wliedna. Huwa tajjeb li min-naħa tagħna nagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex ntejjbu l-benesseri ta’ wliedna. Dawn il-guide lines li nistiednu n-nies biex jitkellmu magħna, biex jgħidulna x’naħsbu dwar dak li qed nipproponu sabiex imbagħad wara l-aħħar ta’ April li ġej nkunu nistgħu niffinalizzaw dan il-proġett u nibdew imbagħad il-fażi ta’ implimentazzjoni.”
Intant studji oħra wrew li l-fliexken tal-ilma huma fattur ukoll ewlieni għall-basket tqil u għalhekk tfassal programm ta’ twaħħil ta’ funtani tal-ilma tajjeb għax-xorb kif ukoll lockers.