L-uffiċċju tal-President ippubblika dak li ħareġ mill-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma Kostituzzjonali.
Il-President ta’ Malta Dr. George Vella qal li huwa ried iwessa’ l-konsultazzjoni pubblika u wiegħed li jekk wieħed jasal biex tissejjaħ Konvenzjoni Kostituzzjonali, is-soċjetà ċivili, l-għaqdiet mhux governattivi u l-poplu inġenerali kien ser ikollhom rwol importanti.
“Ridt inserraħ l-imħuħ li l-proċess ma kienx ser jiġi ddominat mill-influwenza tal-partiti politiċi”, kiteb il-President fid-daħla tad-dokument li ġie ppubblikat dwar ir-riforma Kostituzzjonali.
F’sitt xhur daħlu mijiet ta’ kontribuzzjonijiet u l-President irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem u taw kontribut fil-konsultazzjoni pubblika.
Filwaqt li rrimarka li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali eventwalment se teżamina l-proposti li daħlu u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament, il-President esprima l-fiduċja tiegħu li kull deċiżjoni li se tittieħed se tkun fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u tkompli ssaħħaħ is-saltna tad-dritt, id-demokrazija, u l-ġustizzja.