Wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-proġett tal-enerġija tal-Gvern, kif imwiegħed, il-Gvern beda jippubblika d-dokumenti kollha relatati mal-ftehim bejn l-Enemalta u l-Electrogas.
Mijiet ta’ paġni mqassma fi tmien kuntratti li jħarsu lejn fażijiet u proċessi differenti li jirregolaw il-ftehim bejn l-Enemalta u l-istess Electrogas, li kienet intagħżlet bħala l-konsorzju preferut biex topera l-impjant tal-gass magħruf bħala Delimara 4. Kuntratti li jħarsu lejn trasferiment, implimentazzjoni, ix-xiri tal-elettriku, il-provvista tal-gass u oħrajn.
Fost il-kuntratti ppubblikati hemm dettalji dwar xogħlijiet preparatorji, rapporti, studji, applikazzjonijiet, permessi, il-bini u l-kwalità tal-gass u servizz provduti mill-faċilitajiet. Kif ukoll l-obbligazzjonijiet dwar kwalità u sigurtà tal-provvista tal-elettriku, il-manutenzjoni u ttestjar tal-faċilitajiet, u ċertu flessibilità għall-Gvern Malti – kemm dak preżenti, kif ukoll dawk tal-futur, f’għazliet bħax-xiri tal-gass, hekk kif hemm il-pjan tal-pipeline tal-gass ma’ Sqallija, kif innota ma’ ONE News il-Ministru Konrad Mizzi.
“U ladarba jkollna l-pipeline, ahna ghandna l-mezzi fil-kuntratt li jhallu lill-Gvern li jittermina l-Gas Supply Agreement li hemm mal-Electrogas u l-gass tibda tissuplixxih l-Enemalta lill-Electrogas,” qal Mizzi.
Barra minn hekk se jkunu ppubblikati wkoll il-kuntratti relatati mal-ftehim ma’ Shangai Electric, l-impjant tal-BWSC, magħrufa bħala D3, li qed jinqeleb għall-gass.
Bħal f’kuntratti oħra, fil-pubblikazzjoni tħallew barra ċertu dettalji li huma kummerċjalment sensittivi, biex jipproteġi l-interessi kemm tal-Enemalta (u għaldaqstant il-Gvern), u kif ukoll l-Electrogas.
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi nnota kif snin ta’ ħidma wasslu għal riżultati tanġibbli.
Il-Ministru Konrad Mizzi tenna li dan il-proġett, li l-ippubblikar tal-kuntratti huwa parti minnu jfisser tariffi irħas tal-enerġija, disgħin fill-mija inqas trabijiet, u l-għeluq għalkollox tal-Power Station tal-Marsa, u Delimara 1.
Tista’ tara l-kuntratti hawn.