Ir-rakkomandazzjonijiet li jsaħħu s-sistemi attwali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika bdew jitwettqu u se jkomplu jkunu sostnuti.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħaxija hekk kif ġew ippubblikati l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia li kienet inħatret mill-Ministri Byron Camilleri u Jonathan Attard dwar x’kienet ir-responsabbiltà ta’ kull awtorità kkonċernata b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar f’Raħal Ġdid fit-tnejn u għoxrin ta’ Novembru li għadda.
Bernice Cassar, omm ta’ żewġt itfal li kellha erbgħin sena, inqatlet kiesaħ u biered b’tiri ta’ senter waqt li kienet qiegħda fil-karozza tagħha fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid.
Ir-raġel tagħha, Roderick Cassar qed jaffaċċja proċeduri kriminali hekk kif qed ikun mixli b’dan il-qtil.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif il-Ministri responsabbli raw kull rakkomandazzjoni li saret mill-Imħallef Emeritu Valencia billi spjegaw x’sar u x’qed isir biex ikunu ndirizzati l-konklużjonijiet elenkati.
Dawn jinkludu l-importanza taż-żieda fir-riżorsi.
Fost l-oħrajn il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard tenna li ż-żieda addizzjonali fl-aħħar jiem ta’ żewġ maġistrati se tippermetti l-Qorti titrippla l-ammont ta’ seduti li jitrattaw kawżi ta’ vjolenza domestika.
Qal, “Jien infurmat li ż-żieda ta’ żewġ Maġistrati ġodda ppermettiet li mhux biss ikollna Maġistrat iffukat totalment fuq vjolenza domestika imma wkoll se jkollna Maġistrat ieħor li tisma’ każijiet u anki kumpilazzjonijiet fejn l-akkuża tkun marbuta mal-vjolenza domestika. Min-naħa tagħna, rajna li nirrispondu wkoll għall-eżiġenzi infrastrutturali biex anki tlestiet awla oħra fil-Qorti tal-Familja biex tintuża proprju għal dan l-iskop u dan huwa messaġġ ċar tal-impenn tal-Gvern f’dan is-settur.”
Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Imħallef irtirat Valenzia għamel osservazzjoni ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni bejn il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Familja, bil-Ministru Attard jgħid li qed tkun evalwata riforma ntiża biex il-Qorti tal-Familja ma tibqax sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili, imma ssir Qorti speċjalizzata li, fost l-oħrajn, tippermetti li Ġudikant jitratta u jkollu konjizzjoni tal-aspetti Ċivili u dawk ta’ Vjolenza Domestika f’kuntest ta’ tilwim familjari.
Intant il-Ministru Byron Camilleri tenna li wara t-twaqqif tat-Taqsima kontra l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, ir-riżors uman żdied għal 44 uffiċjal u dan ir-riżors jeħtieġ li jikber għal 60 uffiċjal.
Iżda mhux biss.
Qal, “Bdiet il-ħidma sabiex għassa f’Santa Luċija tkun konvertita fl-ewwel hub għal dan il-unit fejn tibda tilqa’ fiha vittmi ta’ vjolenza domestika f’ambjent sigur, aktar empatiku filwaqt li tinżamm il-professjonalità. Ukoll ġie magħżul sit fl-Imsida sabiex fih ikun hemm ukoll konvertit it-tieni hub għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Dan filwaqt li l-allegat aggressur jibqa’ jiġi jew tiġi investigat fid-Depot tal-Floriana għal diversi raġunijiet, fosthom biex il-partijiet ma jkunux fl-istess post u anki għaliex id-Depot joffri faċilitajiet bħal lock-up u interrogation rooms u wkoll il-vittma tista’ tibqa’ ġewwa l-hub u anki tgħaddi jew tixhed l-informazzjoni li hemm bżonn lill-ispettur li jkun qed jinvestiga li ma jkunx f’dak il-hub.”
Dawn il-hubs se jkollhom ħaddiema soċjali biex anki huma jagħtu l-evalwazzjonijiet tagħhom fl-investigazzjonijiet.
Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li fil-Korp tal-Pulizija se jkunu kkomunikati Standard Operating Procedures bi gwida lill-uffiċjali tal-Korp dwar first response u verifiċi dwar ordnijiet ta’ protezzjoni temporanji u ordnijiet ta’ protezzjoni.
Dwar il-proposta ta’ moniteraġġ elettroniku, il-Ministru Camilleri fakkar li quddiem il-Parlament diġà hemm abbozz ta’ liġi li jipprovdi l-qafas legali għall-użu tal-moniteraġġ elettroniku.
Fuq dan il-punt, Dr Camilleri ħabbar li ħatar lill-Professur Joe Canataci sabiex jipprepara qafas u emendi biex jiġu intavolati fi stadju ta’ Kumitat tal-abbozzi fejn vittma jew possibilment vittma tkun tista’ titlob minn jedda illi tkun tagged, sabiex tassigura li tkun infurmata jekk persuna oħra li tkun tagged b’ordni tal-Qorti, tersaq viċin tagħha.
Intqal ukoll kif fl-aħħar ġimgħat quddiem il-Parlament ġie mressaq abbozz ta’ liġi li jintroduċi servizz ta’ prevenzjoni fil-Victim Support Agency. Permezz ta’ dan is-servizz, persuni f’riskju potenzjali, ikollhom dritt għall-informazzjoni jekk persuni li jkollhom relazzjoni magħhom, kinux instabu ħatja ta’ vjolenza domestika.
Hekk kif l-inkjesta tisħaq għall-edukazzjoni kontinwa kontra l-vjolenza domestika ġie allokat fond ta’ miljun ewro fuq sentejn minn fondi tal-Aġenzija LESA sabiex jintużaw għal edukazzjoni u kampanji ta’ għarfien.